Appuntament reliġjuż jew xalar bla rażan?

40% jħossu li l-festi saru biss xorb u xalar

‘Bandalori kollha lwien, karti żgħat ma’ kullimkien’ kienet qaltilna f’kanzunetta pjuttost popolari Marie Rose Mallia. Forsi l-fatt li kellna diska, li issa mmultiplikat għal għexieren oħrajn b’kull każin jagħmel waħda għalih biex idoqqha fil-marċi, juri kemm il-festi huma parti integrali mill-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Fil-verità u minkejja kull stqarrija l-kontra, il-festi huma parti minn dak li aħna, anzi iktar. Il-festi huma dak li aħna, iċċelebrat bl-akbar pompa possibbli. 

Il-festi jeħduna fiċ-ċentru tal-pjazza, jew lura lejn l-għeruq tagħna. Kull ġimgħa tal-festa hija waħda li tfakkarna minn fejn bdejna, raħal twelidna. L-emozzjoni, il-ħsejjes, l-ilwien. Kollha jfakkruna minn fejn bdejna.

Fil-fatt, il-festi Maltin jibqgħu popolarissimi għax huma ċelebrazzjoni tal-familja, fejn il-familja tiltaqa’ tieħu grokk, tiekol, tagħmel ħafna storbju u tgħix fil-ġmiel li kapaċi toffri l-għaqda tal-familja. Jibqgħu popolari għax jiċċelebraw ukoll is-sens ta’ kompetizzjoni u polariżmu b’mod bil-wisq aktar ikkulurit u ħafna iktar san mill-politika lokali. Li każin irid ikun aħjar mill-każin l-ieħor, ma fiha assolutament xejn ħażin anzi tkompli toħloq kompetizzjoni ta’ min se jkollu l-aktar armar barokk, kbir, pompuż u artikolat. Anke jekk l-istess armar jista’ jitqies vulgari f’okkażjoni oħra, fil-festa, il-vulgarità tinbidel f’sabiħ u f’oġġett ta’ ġmiel.

Il-faċċati tal-każini, bħall-armar, jixirfu karatteristika fil-Maltin u Għawdxin ta’ mħabba għal dak kollu li huwa jew ixaqleb lejn l-istil barokk jew dak kollu li huwa elaborat. Is-sempliċi ma tantx jinżlilna fil-festa, fil-fatt festi żgħar malajr jibdew jaraw kif se jelaboraw aktar u jikbru aktar biex isiru “bħall-oħrajn.”

Imbagħad għandek l-istatwa, il-vara titulari. Mhux meqjuma kullimkien l-istess, però naf nies li għalihom l-istatwa tat-titular hija l-mimmi t’għajnejhom. U ngħiduha kif inhi, ħafna mill-istatwi li jduru mal-irħula Maltin huma xogħlijiet artistiċi mill-isbaħ: San Pawl tal-Belt, Santa Liena ta’ Birkirkara, San Pietru f’Birżebbuġa, Tal-Karmnu taż-Żurrieq, Is-seba’ Santa Marijiet, Tal-Grazzja ta’ Ħaż Żabbar, il-Kunċizzjoni ta’ Bormla u nistgħu nibqgħu għaddejjin, huma kollha monumenti mill-isbaħ ta’ xogħol u kapaċitajiet fil-ħidma tal-id. Ftit tista’ ma’ tammirax il-ġmiel ta’ ħafna mit-titulari madwar il-pajjiż, anke jekk festi ma tħobbx.

Il-piroteknika jista’ jkun li tibqa’ taħt id-dell ta’ traġedji passati u anke riċenti. In-nar jibqa’ xi ftit ta’ suġġett jaħraq aktar min-nar li jqabbdu, imma l-piroteknika f’Malta hija waħda tant eċċezjonali li se jkollna nużaw kliem id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia mal-ILLUM dwar il-ġigġifogu: Man-nar tal-art ma jlaħħaq magħna ħadd.

Naturalment, tibqa’ l-mistoqsija ta’ dejjem. Il-festi llum, għadhom ċelebrazzjoni reliġjuża? Il-kulur u l-pompa qed jaljenaw mill-vera skop tal-festa tar-raħal? U jekk stess, kemm għadu importanti li l-festi jżommu l-aspett reliġjuż bħala l-iktar importanti? Kemm għadhom relevanti ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Knisja, ħafna minnhom kantati u twal?

Is-sit illum.com.mt staqsa lil qarrejja tiegħu jekk jaħsbux li l-festi għadhomx reliġjużi fil-ġurnata tal-lum. L-akbar numru ta’ nies li pparteċipaw wieġbu fin-negattiv. Fil-fatt, 40.3% iħossu li llum il-festi huma biss okkażjoni għax-xorb u xalar, minnha nnifisha xi ħaġa li hija minnha, għalkemm probabbilment mhux biss. Min-naħa l-oħra, 23% ma jaqblux u jħossu li l-aspett reliġjuż għadu importanti għax fil-festa jingħata ġieħ lill-patrun/a tar-raħal. Il-patrun jibqa’ ċentrali ħafna għall-festa, anke jekk għad fadal ħafna li għalkemm suppost jiċċelebraw ħajjet il-qaddis, ftit li xejn jafu dwaru u dwar u dwar ħajtu.

Kont taf li...?

  • Fis-Siġġiewi San Nikola jibqa’ jdur mal-pjazza biss mhux mat-toroq tar-raħal
  • Santa Marija fir-Rabat Għawdex titla’ r-rampa b’lura hi u dieħla qisha tiela’ s-sema
  • F’Birkirkara, Santa Liena toħroġ filgħodu proċessjonalment, mhux filgħaxija
  • San Pietru (tal-każini) jittella’ bil-baħar f’Birżebbuġa qabel idur ma’ marċ brijuż
  • L-istatwa ta’ San Filep f’Ħaż Żebbuġ hija l-unika statwa indurata kollha kemm hi bil-fidda
  • L-istatwa ta’ San Lawrenz fil-Birgu hija l-unika titular li huwa mlibbes ilbies vera
  • Meta jixref San Ġiljan mill-Knisja tal-parroċċa bl-istess isem, numru ta’ kaċċaturi jisparaw fl-arja għall-qaddis prottetur tagħhom
  • F’Raħal Ġdid għadha kif tbiddlet il-vara titulari ta’ Kristu Re għax li kien hemm qabel kienet wisq ‘sempliċi’
  • It-titular tad-Duluri f’San Pawl il-Baħar, intgħażel minn Barunessa li ħalliet l-art fejn hi mibnija l-knisja parrokkjali, bil-patt li t-titular ma jinbidilx
  • Fir-raħal żgħir tal-Gudja, hemm tliet festi. Tar-Rużarju, Santa Marija u taċ-Ċintura
  • L-istatwa ta’ Marija Bambina fl-Isla kienet oriġinarjament, pulena ta’ vapur imġarraf fl-Adrijatiku
  • Nhar il-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż Żabbar isir pellegrinaġġ bir-roti

More in Socjali