filmat | ‘Poġġejna s-suq bħala xi ħaġa li ma tistax titkellem dwaru’

Id-Direttur tal-Caritas, Leonid McKay jgħid li għandu jkun hemm iktar miżuri sabiex persuni jkunu jistgħu jsiru siden ta' djarhom

Xi ġimgħat ilu, il-gazzetta ILLUM żvelat proposta ta’ Yana Mintoff rigward kontrolli fuq kemm jista’ jiżdied il-prezz ta’ kirja privata, u dan f’attentat biex il-piżijiet fil-qasam tal-akkomodazzjoni jiġu mtaffija u kkontrollati. Ma’ din il-proposta diġà kien hemm il-Prim Ministru u l-President li tkellmu kontra, meta qalu li m’għandux ikun hemm indħil fejn jidħlu rati privati. Meta mistoqsi dwar din il-proposta, u jekk il-Caritas taqbilx ma’ dan, id-direttur tal-Caritas, Leonid McKay ma weġibx direttament, u qal li kwistjonijiet ta’ dan it-tip, partikolarment meta jikkonċernaw il-qasam soċjali, m’għandhomx jiġu trattati bħal xi kwiżż, “mhuwiex faċli li wieħed jgħid li jaqbel jew ma jaqbilx. Huwa importanti ħafna li d-deċiżjonijiet fejn tidħol il-politika soċjali ikunu bbażati fuq ir-riċerka.”

McKay ikompli jsostni li hu jemmen ħafna li f’pajjiżna, jeħtieġ li nkomplu nitkellmu fuq dan is-suġġett għaliex huwa minnu li f’dan l-aħħar żmien, il-kera splodiet. Filwaqt li jsostni dan, id-direttur tal-Caritas jisħaq li “poġġejna s-suq bħala xi ħaġa li ma tistax titkellem dwaru, u l-istat għandu d-dritt u d-dmir li joqgħod attent u jirregola xi prezzijiet.” Waqt li qal dan, jinsisti li mhux qed jaqbel jew ma jaqbilx iżda, “dawk id-deċiżjonijiet li jeħtieġ li jieħu l-istat, għandhom jittieħdu fil-parametri tal-effetti u l-konsegwenzi li jista’ jkollha miżura ta’ dan it-tip.” Għaldaqstant, jipproponi li għandu jkun hemm iktar miżuri sabiex persuni jkunu jistgħu jsiru sidien tad-djar tagħhom. 

More in Socjali