Dehra xierqa u dinjituża għad-daħla tal-Belt
150 laqgħa, 8,000 metru kwadru pavimentar, ’il fuq minn 50 siġra u 10 gabbani għall-Pjazza tat-Tritoni
minn Ruben Anthony Xuereb
Il-proġett tal-pjazza tat-Tritoni u n-naħa magħrufa bħala tal-Biskuttin, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll bħala proġett ta’ tisbieħ fil-Furjana, li jwassal għal bieb il-Belt, u se jagħti dehra ġdida u aktar xierqa għad-daħla tal-kapitali, filwaqt li jkun mod biex id-daħla tal-Belt terġa’ tingħata lura għat-tgawdija tan-nies, u mhux użata bħala venda u post traffikuż.
Il-proġett se jbiddel il-daħla tal-Belt, minn Putirjal sal-Mall, f’żona pedonali u ġnien li se jservi bħala post ta’ rikreazzjoni u passaġġ b’dehra sabiħa u xierqa li jikkumplimenta l-bqija tal-proġett tad-daħla tal-Belt li kien jinkludi l-bieb il-ġdid u l-bini tal-parlament.
Il-pjanijiet finali, li bħalissa jinsabu għal wirja pubblika fl-entratura tal-bini tal-Parlament, huma titjib fuq il-pjan oriġinali ta’ Renzo Piano li sar minn periti Maltin b’konsultazzjoni biss mal-uffiċċju ta’ Piano, li ta l-approvazzjoni tiegħu u b’hekk jagħmel dan il-proġett kollu kemm hu frott ta’ periti Maltin.
Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), Stefan Zrinzo Azzopardi, tkellem mal-ILLUM, u spjega kif qabel ġie ffinalizzat il-pjan, saru 150 laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ operaturi differenti biex jinħolqu soluzzjonijiet li jaġevolaw sistema ta’ trasport sħiħa li ma tinvolvix biss il-karozzi tal-linja.
Infatti minbarra Transport Malta, saru wkoll konsultazzjonijiet ma’ sidien tat-taxis u l-karozzini sabiex jintlaħaq l-aħjar ftehim biex anke dawn ikunu integrati fil-pjan loġistiku għall-pjazza u l-madwar. Zrinzo Azzopardi spjega wkoll kif saru laqgħat separati biex tiġi diskussa l-loġistika għall-aċċess ta’ ambulanzi u servizzi oħra ta’ emerġenza, aċċess għall-vetturi li se jġorru l-merkanzija lejn il-gabbani, loġistika u rotot dwar minn fejn jgħaddu delegazzjonijiet fi triqthom lejn il-Parlament u saħansitra kif il-proġett tad-daħla l-ġdida se jaffetwa l-Karnival.
Tul il-laqgħat ta’ konsultazzjoni, saħaq Zrinzo Azzopardi, il-Malta Public Transport saħansitra għamlu provi biex jevalwaw l-għażliet offruti mill-GHRC, sakemm intlaħaq qbil fuq l-aħjar soluzzjoni dwar rotot u maniġjar tat-trasport pubbliku.
Zrinzo Azzopardi spjega li, “trid tneħħi dak li hemm bħalissa qabel tintervjeni bil-ġdid.”
Fl-istess ħin, waqt il-pjanijiet għad-daħla, proġett separat għar-restawr tal-funtana tat-Tritoni kien qiegħed isir simultanjament mid-direttorat għar-restawr.
L-ewwel fażi tal-proġett, li se tibda f’Settembru li ġej se tkun waħda kruċjali għall-immaniġġjar tat-traffiku, fejn se jsir intervent viċin tal-lukanda biswit din il-pjazza, permezz ta’ bini ta’ roundabout sabiex il-karozzi jkunu jistgħu jsuqu b’mod aktar ordnat jew lejn Triq l-Assedju l-Kbir jew tul iż-żona magħrufa bħala l-Biskuttin, minn fejn aktar minn kollox, se sservi bħala r-rotta l-ġdida fejn il-karozzi tal-linja ser jibdew iwaqqfu lin-nies, minflok mad-dawra tal-funtana, bħalma qiegħed isir bħalissa.
Fl-istess ħin, waqt l-ewwel fażi b’risq l-immaniġġjar tat-traffiku, se jibda wkoll ix-xogħol fuq ir-restawr tal-pont li jwassal għal bieb il-Belta u l-pont tal-ferrovija l-antika.
Qabel jibda x-xogħol fuq il-pjazza, l-ewwel irid isir maniġjar tat-trasport pubbliku.
Il-Perit Mario Bonello, li hu nkarigat minn dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni, saħaq li qabel jibda kwalunkwe xogħol ta’ ristrutturar u pavimentar fil-pjazza tat-Tritoni, l-ewwel irid isir maniġġjar sostenibbli għas-sistema tat-trasport pubbliku.
Bonello spjega kif fi żmien l-Arriva, kien ġie deċiż li jidħol biss numru minimu ta’ karozzi il-Belt, u nfatti nħolqu ftit żoni biss għall-parkeġġ tal-karozzi tal-linja fil-foss ta’ San Ġakbu. Meta deher li din is-soluzzjoni ma kinetx waħda vijabbli, reġgħu daħlu l-karozzi kollha l-Belt li bdew iwaqqfu l-passiġġieri madwar il-funtana tat-Tritoni.
Hekk kif inbidel l-operatur, spjega Bonello, il-GHRC pjanat il-ħolqien ta’ aktar żoni ta’ parkeġġ fil-foss. L-idea issa hi li bħala parti mill-proġett il-ġdid, jiżdiedu aktar postijiet għall-parkeġġ tal-karozzi tal-linja faċċata ta’ dawk eżistenti, fil-foss u fi Triq Nelson.
Minfok jitniżżlu l-passiġġieri fil-pjazza tat-Tritoni, wara li din issir żona pedonali, il-karozzi tal-linja se jibdew iwaqqfuhom fit-triq mal-ġenb tal-Biskuttin, u waqt li l-passiġġieri jimxu lejn il-Belt minn fuq iż-żona pedonali madwar il-funtana, il-karozzi jkompli fi triqthom għall-foss ta’ San Ġakbu sabiex hemm ikunu jistgħu jdawru u jippreparaw għall-vjaġġ li jmiss.
Se jintużaw ġebla tal-aħrax għal-pavimentar u siġar indiġeni biex isebbħu ż-żona pedonali
Għat-8,000 metru kwadru ta’ pavimentar taż-żona pedonali fi pjazza Tritoni u 4,000 metru kwadru fil-biskuttin, ġie deċiż, anke bl-approvazzjoni tal-uffiċċju ta’ Piano, li se tintuża l-istess ġebla Maltija tal-Aħrax li biha sar il-bqija tal-pavimentar ta’ Pjazza Ħelsien.
Anke l-għażla tas-siġar li se jintużaw għad-dawra tal-pjazza pedonali se tkun waħda magħmula bi ħsieb, fejn se jintużaw 52 siġra indiġena tal-Ballut madwar pjazza Tritoni, filwaqt li fil-Biskuttin, se jerġgħu jitħawlu l-14-il palma li bħalissa huma neqsin biex tiġi riflessa d-dehra l-oriġinali tal-post, flimkien ma’ erba’ siġar oħra tal-Ballut.
Il-Periti Mario Bonello u Dorianne Cachia, spjegaw ukoll lill-ILLUM li d-disinn tal-pavimentar se jkun riflessjoni u tifkira tal-arkitettura oriġinali ta’ żmien il-kavallieri, fejn id-disinn fil-pavimentar se jimita l-forma tal-fortifikazzjonijiet l-oriġinali li kien hemm fid-daħla.
Cachia spjegat ukoll, kif wisq probabbli, l-arkitettura l-oriġinali tinsab mirduma taħt il-pjazza preżenti u għaldaqstant, minħabba l-valur storiku tagħha, il-pjazza ma tistax tiġi mħaffra. Bonello żied jgħid li għal din l-istess raġuni, is-suġġeriment li kien sar xi żmien ilu, li l-venda tal-karozzi tal-linja issir f’livell taħt il-wiċċ tal-pjazza, qatt ma seta jkun possibbli.
Karatteristika interessanti u unika oħra li se jkolla l-entratura l-ġdida se tkun l-aċċess għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Minbarra aċċess għal siġġijiet tar-roti, se tinħoloq sistema biex tassisti lil min hu nieqes mid-dawl. Il-perit Bonello spjega kif permess ta’ marki speċjali integrati fid-disinn tal-pavimentar, persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jagħmlu użu minnhom bħala gwida lejn l-entratura.
F’tarf tal-pjazza, viċin bieb il-Belt, hemm ukoll pjanijiet biex jinbena ċentru għall-informazzjoni, li skont Zrinzo Azzopardi, huwa bżonnjuż li jkun hemm wieħed fid-daħla tal-Belt kapitali.
Foss żdingat, issa se jindibel fi ġnien u żona ta’ rikreazzjoni
Il-Foss tal-Belt, l-ewwel ħaġa li wieħed jara huwa u dieħel minn fuq il-pont, kien minn dejjem veduta xejn pjaċevoli ta’ parkeġġ żdingat u xejn dinjituż għad-daħla tal-kapitali.
Il-Perit Cachia, li hija nkarigata mir-riġenerazzjoni tal-foss, spjegat lil din il-gazzetta li issa l-foss se jinbidel fi ġnien li d-dehra tiegħu, kif tidher minn fuq il-pont, tkun waħda li tilqa’, bi spazji li jistgħu ikunu użati għar-rikreazzjoni , divertiment u attivitajiet kulturali.
Cachia ddeskriviet il-foss bħala l-post li pratikament welled il-Belt, minħabba li kien l-ewwel barriera minn fejn inqata’ l-ġebel biex jinbnew is-swar. Cachia spjegat li biex jingħata r-rispett xieraq lill-foss, il-ġnien li ddisinjat se jkun imfassal qisu mużajk kbir li permezz tad-disinn fil-pavimentar hekk kif jidher mill-elevazzjoni tal-pont, jinterpreta u jirrakkonta l-istorja tal-Belt.
Anke l-veġetazzjoni li se tintuża għall-ġnien tal-foss se tirrrispekkja l-lokal, saħqet Cachia, li spjegat li se jintużaw 56 sigra, 200 arbuxell u ’l fuq minn 4,000 pjanta biex isebbħu l-ġnien.
Il-ħsieb tal-foss huwa li dan jirrappreżenta stampa li tidher minn fuq bħala pittura ħajja permezz tal-veġetazzjoni u d-disinn.
Inklużi wkoll 10 gabbani fid-disinn
Peress li l-ILLUM kienet diġà ħadet interess dwar x’se jiġri mill-gabbani fid-daħla tal-Belt, saret mistoqsija lil Stefan Zrinzo Azzopardi dwar jekk ġewx ikkunsidrati dawn il-gabbani, fejn hu rrisponda li fid-disinn hemm pjan għal għaxar gabbani. Huwa qal li l-ħtieġa ta’ faċilitajiet fejn min dieħel il-Belt jista’ jixtri x’jiekol u jixrob ġiet rikonoxxuta u għaldaqstant inkluża fil-pjanijiet.
Il-Perit Bonello żied jgħid ma’ dan li l-gabbani se jkunu mibnija bħala parti integrali mid-disinn globali, b’daqs u forma uniformi u mibnijin b’materjali kompatibbli mad-dehra tal-pjazza.
Dwar lil min se jingħataw il-gabbani, Zrinzo Azzopardi saħaq li din il-kwistjoni qiegħda tiġi indirizzata mid-dipartiment tal-artijiet, li bħalissa jinsab f’diskussjonijiet mal-Ministeru konċernat.
Il-Proġett kollu mistenni jkun lest għall-aħħar tal-2017, fil-ħin għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Belt Valletta Kapitali tal-Kultura 2018.