Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne iffirma ftehim mal-ogħla uffiċjali tal-MUMN dwar il-proġett multimiljunarju fl-isptarijiet ta’ San Luqa, Karen Grech u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan il-ftehim jiggarantixxi l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema ta’ dawn l-isptarijiet.
Dan il-ftehim huwa konferma li l-ħaddiema preżenti f’dawn l-isptarijiet se jibqgħu ħaddiema tal-Gvern, bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol skont il-ftehim kollettiv,” qal il-Ministru Fearne.
Fost affarjiet oħra l-MUMN u l-Gvern qablu li hekk kif jespandu s-servizzi f’Għawdex, ikun kemm lok li l-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta jitilgħu jaħdmu Għawdex.
Il-public-private partnership bejn il-Gvern u Vitals Global Healthcare se jwassal għal sptarijiet f’pajjiżna tal-ogħla livell u bi standards għoljin u b’servizzi li jibqgħu b’xejn għall-pazjenti Maltin. Huwa proġett li se jdaħħal f’pajjiżna l-kunċett ta’ turiżmu mediku. Il-Ministru Fearne qal li huwa stmat li kull turist mediku se jkun qed jonfoq madwar €10,000 f’kura u servizzi oħra waqt li jkun f’pajjiżna.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea qal li l-ħaddiema jixtieqilhom jaħdmu fi sptar state- of-the-art bl-ogħla standard. “Iżda issa hemm bżonn li ngħaddu għall-fatti. Mhux se nħallu lill-ħaddiema tagħna jidħlu jaħdmu fil-għama u għalhekk dan il-ftehim huwa importanti għax se jkun qiegħed jissoda l-pożizzjoni tal-ħaddiema,” qal Colin Galea.