'Inżidu l-kura mhux noffru l-mewt'
L-isqfijiet ta' Malta u Għawdex jappellaw favur il-ħajja u kontra l-morning pill u l-ewtanasja
minn John Busuttil
F'Ittra Pastorali fl-okkażjoni tal-festa ta' Santa Marija, l-isqof Scicluna u l-Isqof Grech ħarġu b'appell iebes favur il-ħajja u kontra l-Ewtanasja u kull xorta ta' qtil. F'din l-ittra pastorali huma saħqu li għandna ngħożżu l-ħajja u li għandna nżidu l-kura għal mard u mhux noffru l-mewt.
Aħna l-Insara għandna dmir speċjali li naħdmu biex ngħożżu l-ħajja għaliex għalina, il-ħajja umana hija rigal mingħand Alla, li waħdu huwa sid tagħha mill-bidu sa tmiemha. L-ebda bniedem għalhekk ma jista’ jippretendi għalih id-dritt li jeqred direttament il-ħajja ta’ bniedem innoċenti jew li jqis lil xi bnedmin oħra bħala bla valur jew bħala xkiel. Il-Liġi għandha tipproteġi l-ħarsien ta’ kull ħajja umana mit-tnissil tagħha sal-mewt, u dan aktar u aktar meta xi bniedem ikun f’pożizzjoni vulnerabbli jew żvantaġġjata.
F’pajjiżna lkoll għandna naħdmu biex dan id-dritt għall-ħajja, mgħixa f’dinjità sħiħa, ikun rispettat. Matul dawn l-aħħar xhur, tqanqlu żewġ kwistjonijiet partikolari li jistgħu jheddu l-ħajja fil-bidu tagħha u lejn it-tmiem tagħha.
Theddida għall-ħajja fil-bidu tagħha
Il-ħajja tal-bniedem, fl-ewwel ġranet tal-eżistenza tagħha, tista’ tiġi mhedda meta jittieħdu pilloli jew mediċini bl-iskop li l-ħajja li tkun tnisslet fl-omm ma tkomplix tiżviluppa, anzi tinqered. L-effett ta' xi pilloli f'xi ċirkustanzi jista' jkun abortiv. Persuna li qed tgħix it-twemmin Nisrani b’serjetà u impenn għandha l-obbligu morali li tfittex l-informazzjoni sħiħa dwar l-effetti kollha ta’ dawn il-prodotti mediċinali biex tagħmel deċiżjoni responsabbli favur il-ħajja.
F’każ ta’ dubju xjentifiku dwar kif jaħdmu dawn il-prodotti mediċinali, id-deċiżjoni għandha tkun dejjem favur il-ħarsien tal-ħajja. Il-kuxjenza ta’ dawk il-professjonisti li qed jaħdmu fis-settur tas-saħħa, li għandhom oġġezzjoni li jippreskrivu jew ibiegħu dawn il-prodotti mediċali minħabba d-dubju xjentifiku dwar l-effetti tagħhom, għandha tiġi rispettata.
L-Ewtanasja: theddida għall-ħajja
Tqanqlet ukoll il-kwistjoni tal-ewtanasja. Hawn min jirraġuna li meta persuna tkun qed tbati ħafna, il-ħajja umana titlef il-valur tagħha u għalhekk għandu jkollha d-dritt li tiġi megħjuna biex tneħħi ħajjitha. Aħna nifhmu t-tbatija psikoloġika u fiżika li pazjent u l-qraba jkunu qed iġarrbu. Aħna nħossu ma’ kull min hu għaddej minn din it-tbatija. Però nemmnu li l-valur tal-ħajja umana ma jiddependix minn kemm persuna hija b’saħħitha jew sodisfatta bil-ħajja tagħha. Nemmnu wkoll li l-ewtanasja qatt ma tista’ tkun fl-aħjar interess tal-pazjent jew pazjenta.
Kull persuna għandha d-dritt li tingħata l-kura, u s-soċjetà għandha l-obbligu morali li tipprovdi s-servizzi mediċi biex tħares dan id-dritt għall-ħajja. Il-persuna għandha d-dritt, legali u morali, li tirrifjuta t-trattament mediku meta dan ma joffri l-ebda tama ta’ ġid, jinvolvi spejjeż enormi jew jikkaġuna tbatija insopportabbli. Fl-istess waqt iżda, għandha tibqa’ tingħata kull kura li ttaffi l-uġiegħ fiżiku u psikoloġiku li jista’ jkun hemm sakemm il-proċess naturali tal-mewt jieħu l-kors tiegħu.
Aktar ma tikber it-tbatija, is-soċjetà aktar għandha żżid il-miżuri ta’ wens u sedqa biex ħadd ma jiġi mwarrab jew jitqies bħala piż fuq l-oħrajn. Soċjetà turi l-wiċċ ħanin tagħha meta persuni vulnerabbli jiġu megħjuna. F’pajjiżna għandna nsaħħu s-servizz mediku ta’ kura li jnaqqas it-tbatija, u ngħinu lil kull min qed jaħdem f’dan il-qasam biex ikabbar il-firxa ta’ servizzi li diġà qed joffri fil-komunità lil tant pazjenti b’mard terminali u lill-qraba tagħhom.
Flimkien mal-Hospice Movement, il-Knisja f’Malta ser tibda l-ħidma meħtieġa biex tinfetaħ Dar il-Ħniena, bħala residenza ġdida biex toffri servizzi speċjalizzati u ta’ livell għoli fil-kura li tnaqqas it-tbatija lill-persuni b’mard terminali.