1,000 applikazzjoni għall-bini f’xahar wieħed biss

Fl-aħħar xahar biss l-awtorità ġew quddiemha xejn inqas minn 1,000 aplikazzjoni ġdida ta’ bini mingħand individwi jew kumpaniji differenti

Id-domanda fil-kostruzzjoni qed twassal għal żieda fix-xogħol għal bosta li jaħdmu fit-tlestija, l-aspett legali, xiri u kiri ta’ proprjetà
Id-domanda fil-kostruzzjoni qed twassal għal żieda fix-xogħol għal bosta li jaħdmu fit-tlestija, l-aspett legali, xiri u kiri ta’ proprjetà

L-Awtorità tal-Ippjanar, bħalissa fl-aħbarijiet minħabba d-deċiżjoni dwar il-proġetti ta’ Townsquare f’Tas-Sliema u proġett ieħor ta’ bini għoli fl-Imrieħel, qed tiffaċċja pressjoni qawwija immens minn numru staordinarju ta’ applikazzjonijiet għall-bini.

L-ILLUM tinsab infurmata illi fl-aħħar xahar biss l-awtorità ġew quddiemha xejn inqas minn 1,000 aplikazzjoni ġdida ta’ bini mingħand individwi jew kumpaniji differenti. B’riżultat ta’ dan l-awtorità qed tiffaċċja problema ħafna bir-riżorsi tagħha jiġġebbdu sal-massimu.

L-ILLUM hija infurmata li din l-‘isplużjoni’ fin-numru ta’ applikazzjonijiet tiġi wara attività iktar kajmana fl-industrija tal-konstruzzjoni sforz l-inċertezza li ħolqot il-kwostjoni politika tal-Panama. Fil-fatt, l-ILLUM hija infurmata illi matul dan il-perjodu l-Awtorità tal-Ippjanar rat in-numru t’applikazzjonijiet għall-bini jaqa’ b’madwar 400.

‘Kemm ilha sejra tajjeb il-kostruzzjoni, sejrin tajjeb ħafna nies’

Intant ma’ din il-gazzetta, il-President tal-Malta Developers Association (MDA) Sandro Chetcuti qal illi l-fatt illi l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar żdiedu huwa sintomu ta’ kemm is-settur tal-kostruzzjoni sejjer tajjeb bħalissa. “L-andament tax-xogħol huwa ferm pożittiv u hemm kemm miżuri kif ukoll diversi fatturi li qed iwasslu għal dan. Għandek rati ta’ interessi tajbin fuq self fuq id-djar, għandek fenomenu ta’ ħafna Maltin li qed jixtru biex jikru, għandek miżuri bħall-First Time Buyers li issa waslet biex tagħlaq u għandek ukoll interess dejjem jiżdied ta’ barranin li qed jixtru f’pajjiżna.”

L-ILLUM staqsiet lil Chetcuti jekk jaħsibx li s-suq b’saħħtu ħafna tal-kostruzzjoni hux bużżieqa li se tinfaqa’. Ma’ dan ma jaqbilx u jgħid illi “l-bużżieqa tinfaqa’ jekk ikun hemm wisq proprjetà għad-domanda. Bħalissa hemm ħafna domanda. Tinfaqa’ bużżieqa,” kompla jgħid ma’ din il-gazzetta, “jekk min qed jixtri l-proprjetà ma jkunx jista’ jżommha u ma jkunx xtraha b’għaqal.”

Huwa temm jgħid li kemm ilha sejra tajjeb l-industrija tal-kostruzzjoni “sejrin tajjeb ħafna nies.”

Fil-fatt apparti dawk li jaħdmu direttament fil-bini, huwa mifhum li n-negozju bħalissa jinsab għaddej b’rittmu tajjeb ħafna għal eluf ta’ nies oħrajn li jaħdmu fit-tlestija tal-proprjetà jew inkella mill-aspetti legali ta’ bejgħ u xiri. Iż-żieda fil-kostruzzjoni qed twassal għal effett trickle down li qed jirriżulta f’aktar xogħol għal nies bħal electricians, bajjada, ħaddiema fil-gypsum, plumbers, nutara, periti, produtturi u distributuri tal-għamara, aġenti tal-bejgħ u l-kiri tal-proprjetà u bosta oħrajn.

More in Socjali