L-ILLUM tinsab infurmata illi iktar kmieni din il-ġimgħa żewġ għaqdiet fuq in-naħat opposti tal-ispettru tas-soċjetà ċivili, iltaqgħu biex jiddiskutu l-kwistjoni tal-iżvilupp, bħalissa fuq fomm ħafna nies. Fil-fatt nhar il-Ġimgħa li għadda l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) preseduta minn Astrid Vella, iltaqgħet mal-Malta Developers Association (MDA) immexxija minn Sandro Chetcuti.
Din il-gazzetta hija infurmata li għal din il-laqgħa, li għaliha l-midja ma kinitx mistiedna, ġew diskussi modi differenti ta’ kif iż-żewġ għaqdiet jistgħu jaħdmu flimkien bil-possibilità li jintlaħaq ftehim dwar il-bilanċ fuq aspetti ta’ proġetti relatati mal-kostruzzjoni.
Il-laqgħa trattat diskussjoni dwar politiki u kwistjonijiet li qed jikkonċernaw lil bosta residenti bħalissa u l-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn l-ambjent u l-iżvilupp. Intant l-ILLUM hija infurmata wkoll li fil-futur qrib se jsiru aktar laqgħat bejn iż-żewġ għaqdiet biex jipprovaw isibu bażi komuni għal qbil fuq diversi punti relatati mal-iżvilupp sostenibbli.
Meta kkuntattjati minn din il-gazzetta kemm Chetcuti kif ukoll Vella, filwaqt li kkonfermaw li saret din il-laqgħa qalu li l-midja ma kinitx msejħa biex tirrportaha minħabba li din kienet biss l-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat oħrajn u minħabba li fiha kien biss diskuss kif se tiġi mfassla t-triq ’il quddiem bejn iż-żewġ għaqdiet.