
Għawdex mifqugħ għal Santa Marija
60,000 jaqsmu l-fliegu
minn John Busuttil

Fil-ġimgħa ta’ Santa Marija, Għawdex jinbidel f’Malta. It-toroq kollha mballati bit-turisti Maltin u barranin, fejn mistennija jaqsmu l-fliegu 60,000 persuna u t-traffiku jiżdied b’16,000 karrozza minn Malta.
“Għawdex hu mimli. Lukandi mimlija kollha, farmhouses ippakkjati kollha u anke l-appartamenti,” qalilna Joe Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Tourism Association.

F’Għawdex akkomodazzjoni reġistrata hemm 6,000 sodda li huma mqassmin f’lukandi, f’4 boutique hotels, 45 b&B, farmhouses u appartamenti. Iżda barra dawn hemm l-akkomodazzjoni moħbija li wkoll tilqa’ eluf ta’ Maltin li jitilgħu Għawdex għal dawn iż-żminijiet. Eluf ta’ Maltin li m’hemmx numru preċiż ta’ kemm ilħaqqu, għandhom akkomodazzjoni f’Għawdex fejn ħafna minnhom għal dawn iż-żminijiet ma jużawhiex huma u għalhekk jew jisilfuha lil xi ħbieb tagħhom, inkella anke jikruha.
Dwar dan Joe Muscat ikkonferma li din tiġri, “il-fatt hu li din l-akkomodazzjoni qed ittaffi l-għajta tad-domanda kbira li hawn biex aktar Maltin jiġu Għawdex. Il-volum kbir ta’ turisti f’dawn iż-żminijiet idawwar ir-rota għal kulħadd, minn l-iżgħar negozjant sal-aqwa ristorant. Santa Marija hi s-salvazzjoni tas-settur turistiku.” Għalkemm Muscat kompla jgħid li s-settur turistiku f’Għawdex qed jara żidiet fenominali fit-turiżmu Xitwi, “fejn kellna 20% aktar turisti barranin.”
Fil-fatt it-turisti f’Għawdex huma maqsuma nofs bin-nofs bejn it-turist barrani u t-turist Malti, għalkemm fejn jidħlu ljieli t-turist barrani jiżboq lil dak Malti b’75% kontra l-25%. Mistoqsi fejn iżuru l-aktar it-turisti f’Għawdex, Muscat qalilna li 90% tal-1,100,000 jiġifieri 990,000 żaru ċ-Ċittadella u qalilna wkoll li s-suq Ingliż għadu l-akbar suq fejn huma l-25% li jżuru Għawdex. “Iżda hemm żieda kbira fis-suq Taljan, fejn 176,000 Taljan żaru Għawdex fis-sena li għaddiet b’madwar 21,000 iqattgħu aktar minn lejl wieħed f’Għawdex. “Dan ifisser li t-Taljani mhux qed jmorru Malta u jqattgħu lejl wieħed f’Għawdex iżda qed jiġu direttament Għawdex. Din iż-żieda hi mertu tal-low cost airlines li jtiru minn diversi bliet Taljani.”
Sadattant it-turist Malti ukoll qiegħed dejjem iżid f’Għawdex, “Niftakar żmien li Għawdex kien magħruf mal-Maltin li hu għar tal-ħallelin għax kien hemm min qed jiċċarġja lit-turist Malti żżejjed u kien qed inaffarhom. Iżda l-Għawdxi nduna li b’hekk ikun qed jaħseb sa mnieħru speċjalament bil-midja soċjali li llum aħbar ħażina titperreċ mal-pajjiż malajr u tagħmillek il-ħsara. Dan inbidel għalkollox u llum il-Malti qed igawdi mis-servizz tajjeb u l-prezzijiet tajbin li qed joffri l-Għawdxi. Barra hekk il-Gozo Channel għamlet titjib kbir u l-fatt li tagħmel 28 vjaġġ kuljum bir-ritorn hu l-aqwa servizz bejn żewġ gżejjer mad-dinja kollha.
Żdied it-turiżmu barrani b’20% bit-turist Malti jkompli jsostni dan is-settur Joe Muscat (GTA)
“Għal Santa Marija Għawdex hu fully booked bit-turist barrani jimla l-lukandi u l-Malti jkompli jsostni fejn iħalli vojt il-barrani. Iżda issa nistennew it-tieni mewġa qawwija, dik tal-Bambina fit-8 ta’ Settembru,” temm Joe Muscat.
Fil-fatt is-sindku tax-Xagħra u ċ-Chairman tal-Gozo Channel, Joe Cordina qalilna li s-sena li għaddiet il-Bambina ressqet l-akbar numru ta’ turisti lejn Għawdex, aktar minn dik ta’ Santa Marija. Iżda hu fatt li s-sena li għaddiet Santa Marija kienet ġiet is-Sibt u din id-darba ser tkun f’ġurnata fost il-ġimgħa, għada t-Tnejn.
Cordina qalilna li l-Gozo Channel qed tagħmel dak kollu possibbli biex jagħti servizz mill-aqwa lil kull min qed jaqsam il-fliegu, “fejn mill-Ħamis li għadda bdejna servizz ta’ shuttle, bi tliet vapuri li se jdum sejjer sal-festa tat-8 ta’ Settembru. Barra hekk żidna vjaġġ ieħor bejn l-10.30 ta’ bil-lejl u nofsillejl, eżatt fil-11.15 p.m. u dan għall-iskeda tas-sajf li tawwalnieha sa Ottubru fejn qabel kienet tieqaf fl-Indipendenza.


