MAjjaLaTA... poeżija w satira dwar Malta ‘abbużata’
Poeti Maltin inqdew bit-talent tagħhom biex iwasslu messaġġ satiriku bħala protesta kontra l-iżvilupp eċċessiv li qed isir bħalissa f’Malta
More in Socjali
Poeti Maltin inqdew bit-talent tagħhom biex iwasslu messaġġ satiriku bħala protesta kontra l-iżvilupp eċċessiv li qed isir bħalissa f’Malta
Il-protesta sa minn dejjem ħadet forom differenti, u sa minn żminijiet mgħoddija kienet il-vuċi kritika kontra xi forma ta’ inġustizzja jew deċiżjoni kontroversjali li ħafna ma jaqblux magħha.
Issa biex wieħed jipprotesta m’għandux bżonn ikun bħal Martin Luther King Jr u jagħti diskors memorabbli quddiem folol ta’ nies li jibqa’ jissemma’ tul is-snin. Lanqas hemm bżonn tintrabat ma’ xi bini jew twaqqaf karru armat fi triq prinċipali ta’ pajjiż.
Le, protesta, fis-sempliċità tagħha, hija l-espressjoni ta’ opinjoni dwar suġġett li jkun qed jurta lil xi ħadd, maqsuma ma’ numru ta’ nies.
L-użu ta’ diski bħala forma ta’ protesta sa minn dejjem kien mezz popolari biex jitwassal messaġġ ta’ kritika. Minkejja li mhux nitkellmu dwar John Lennon jew Adriano Celentano, bid-diski ta’ protesta ċelebri li kitbu tul is-snin, fiċ-ċokon tagħna, din il-ġimgħa nnutajna numru ta’ poeżiji miktubin minn poeti Maltin li nqdew bir-rima u s-sarkażmu biex iwasslu messaġġ ta’ protesta kontra dak li fil-fehma tagħhom huwa l-istupru, l-abbuż, l-inġustizzja u l-majjalata li qed iseħħu f’pajjiżna dan l-aħħar.
Minn fuq paġna ta’ facebook, Edward Duncan taha għall-poeżija biex jitkellem dwar ‘stupru’ li qed iġarrab pajjiżna, permezz tal-bini għoli, fejn f’parti mill-poeżija tiegħu huwa qabbel li…
“Stupru, bla xemx għax ħadhielek l-iżviluppatur
Li tela’ fl-għoli biex isir aktar sinjur
Stupru... id-djar zgħar bil-btieħi
spiccaw… waqgħu... kollha ġrieħi…”
Duncan iqabbel ilment kif tul iż-żmien, Malta mhix titħalla fl-integrità li kienet qabel, minħabba l-profitt ta’ ftit… li fil-poeżija tiddeskrivi bħala l-istupru tagħha.
“Fejni ruħek ja Malta tagħna? issa stuprata
Qed inħossni, bla nifs, inħossni fgata”
Poeżija oħra ta’ livell satiriku ferm interessanti, inkitbek u ġiet imxerrda fuq facebook mid-deputata Marlene Farrugia, li wriet li messaġġ ta’ protesta jintlaqa’ tajjeb meta meħud b’mod sarkastiku u umoristiku. Fil-poeżija tagħha ‘Tagħna wkoll’, Farrugia toħodha wkoll kontra l-iżvilupp eċċessiv li qed iseħħ f’Malta bħalissa u tikteb;
“Kont qed naħseb biex ninvesti
Nibda business, 'Projects Festi'
Narma gaffa, cherrypicker
Romblu boċċu u tunnel digger
Truck minn dawk tar-roti kbar
Mela nżabbab, nibqa' ħmar?”
L-importanti t-triq tal-liri, tgħid Farrugia, li tqabbel dwar konkos, ramel u siment u bini jitla’ f’Malta mil-Lvant sal-Punent, bl-importanza primarja dejjem mogħtija lill-profit li jagħmlu ftit politikanti biss, b’referenza partikolari għall-famuż każ tal-Panama li kulħadd għejja jisma’ dwaru, iżda meta preżentat fil-kuntest ta’ poeżija, jiġbed aktar interess…
“L-importanti t-triq tal-liri
L-aqwa li nilħaq il-miri
Imbagħad naqbad ajruplan
U Ġol-Pan'ma nkun Sultan”
U nispiċċaw din l-analiżi ta’ poeżiji satiriċi lokali billi naqsmu mal-qarrejja l-poeżija “MAjjaLaTA”, miktuba minn David Aloisio, li fiha jqabbel dwar dak li hu jiddeskrivi bħala l-majjalati li qegħdin isiru f’pajjiżna, b’esaġerazzjoni ta’ żvilupp, għad-detriment tal-ambjent u tal-futur ta’ wliedna.