Filmat | Mill-ġuf sal-qabar…

L-ILLUM tkellment ma' Dr. Etienne Grech dwar il-bilanċ delikat tad-deċiżjoni dwar meta l-ħajja tibda u tista’ tintemm

Dr. Etienne Grech, Membru Parlamentari Laburista
Dr. Etienne Grech, Membru Parlamentari Laburista

Fil-bidu tax-xahar, ħareġ artiklu interessanti fuq gazzetta lokali intitolat “No life without brain activity”; M’hemmx ħajja mingħajr attività tal-moħħ.

L-artiklu tkellem dwar il-fehma ta’ ħafna, inkluż tal-awtur, il-membru Parlamentari Dr. Etienne Grech,  li fin-nuqqas ta’ attività tal-moħħ, m’hemmx ħajja. Dan is-suġġett jagħti lok għal infinità ta’ diskussjonijiet dwar il-bidu u t-tmiem tal-ħajja.

Il-bidu tal-ħajja u l-abort... skont Etienne Grech

Meta tibda l-ħajja ? Meta tispiċċa? Min għandu d-dritt jiddeċiedi dan ?

Fil-pajjiż bħalissa ta’ spiss qed jiġu diskussi kwistjonijiet etiċi dwar id-dritt tal-ħajja; mill-iffriżar tal-embrijuni għad-diskussjonijiet li nqalgħu dwar l-introduzzjoni tal-morning after pill, u jekk din tgħoddx bħala abbortiva jew le. U jekk dawn il-kwistjonijiet ma kinux biżżejjed, il-poplu ġie ffaċjat ukoll bi kwestjoni etika oħra, dik dwar l-implikazzjonjiet li ġġib magħha l-mewt assistita.

Dwar dawn il-kwestjonijiet, L-ILLUM tkellmet ma’ Dr. Etienne Grech, l-awtur tal-artiklu, tabib u Membru Parlamentari Laburista, biex naraw x’inhi l-opinjoni tiegħu dwar l-abbort u l-ewtanasja minħabba t-twemmin tiegħu li m’hemmx ħajja mingħajr attività tal-moħħ.

L-aktar nies reliġjużi jemmnu li l-ħajja tibda mill-mument tal-konċepiment.
Uħud jemmnu li tibda waqt il-fertilizazzjoni,
Uħud jemmnu li tibda waqt l-implantazzjoni… filwaqt li hemm min jemmen li l-ħajja tibda mal-mument li jkun hemm attività ċelebrali, li ċerti xjenzati jistimaw li jseħħ madwar it-tmien ġimgħa tal-eżistenza tal-fetu.

Għad m’hemmx qbil fuq meta eżatt tibda l-ħajja

F’dawn l-aħħar snin, kien hawn argument sħiħ u mondjali dwar meta l-ħajja tibda. Hemm min jgħid, jemmen u saħansitra jisħaq li għandu l-provi ta’ meta dan verament iseħħ… iżda jidher li għadu diffiċli li jintlaħaq qbil.

Etienne Grech qal li “dan l-aħħar Malta kellna l-opportunità niddiskutu dan waqt id-dibattiti li saru fuq il-morning after pill. Infatti Dr. Agius, etiċista u teoloġista qal li hemm il-provi li l-ħajja tibda waqt il-fertilizzazjoni, meta sperma tidħol fil-bajda u minn hemm ’il quddiem ikun hemm ċelluli li jibdew jieħdu l-ħajja.”

Grech saħaq ukoll li ovjament ħafna oħrajn ma jaqblux ma’ dan għax hemm ħafna fehmiet differenti dwar meta tibda l-ħajja. Is-soċjetà Amerikana tal-Ġinekoloġi ikkonkludiet li l-ħajja tibda meta ċ-ċelluli jibqgħu niżlin u jimplantaw ruħhom fil-ġuf. Hemm min jemmen li tibda aktar tard, meta jibda jifforma l-moħħ u l-attività ċelebrali, madwar sitt jew tmien ġimgħat mill-fertilizzazzjoni… Hemm min saħansitra jemmen li l-ħajja tibda meta l-fetu jkun fi stat li anke jekk joħroġ mill-ġuf, jista’ jgħix, anke minkejja għajnuna esterna mgħotija lilu; u dan ikun biss possibbli wara 26 ġimgħa.

“L-argument huwa wieħed kbir u kontinwu  u mingħajr konklużjoni. Hemm ħafna fatturi determinanti li għadhom u se jibqgħu jiġu diskussi fit-tul, li fihom anke jidħol jekk għandux isir, jew meta għandu jsir abbort.” qal Grech.

Dwar dan, Grech jemmen li “l-abbort m’għandu jsir fl-ebda stadju, minħabba li għad m’hemmx qbil fuq meta eżatt tibda l-ħajja, u allura sakemm nibqa’ ħaj jien, mhu ħa naqbel qatt miegħu.”

Grech żied jgħid li fi żmien 20 sena oħra pereżempu, bl-istess mod bħalma ġara bid-divorzju li fis-snin 80 lanqas biss kien jiġi kkunsidrat, imbgħad wara ftit tas-snin ilu s-soċjetà aċċettatu, ma jkunx eskluż il-fatt li fi ftit deċenji oħra jista’ jkun li l-kultura tal-Maltin tinbidel dwar dan ukoll, u hemm biss imbagħad forsi jibdew diskussjonijiet dwar l-abbort.

L-abbort la nikkunsidrawh u lanqas niddiskutuh

“Fatt ċert huwa li llum, l-abbort jaqa’ f’żona li ma tiġix diskussa u lanqas biss ikkunsidrata.”

Fid-dawl tal-opinjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ ħajja jekk ma jkunx hemm attività tal-moħħ, Grech jibqa’ konvint b’mod sod li bħala prinċipju personali, u fin-nuqqas ta’ provi konkreti, l-abbort m’għandux isir. Dan minkejja l-opinjoni tiegħu stess dwar l-attività ċelebrali, għax Grech jisħaq li sakemm ma jkunx hemm provi ċari tal-mument preċiż meta tibda l-ħajja, ma jistax isir intervent fuqha.

Dwar dan l-istess argument, issemmiet il-kwistjoni tal-morning after pill u l-iffriżar tal-embrijuni għaliex l-argument jolqot il-fatt li jista’ jkun hemm abbort kemm meta tittieħed il-pillola, kif ukoll meta jiġu ffriżati l-embrijuni.

“Jiena favur il-morning after pill, għaliex nemmen fl-istudji xjentifiċi li jgħidu li ż–żewġ tipi ta’ kontraċettiv tal-jum ta’ wara, li f’dożi iżgħar diġà jintużaw Malta, ma jtellfux l-implantazzjoni. Fil morning after pill, lanqas biss jidħol il-kunċett ta’ meta tibda l-ħajja għax din ma taħdimx b’interferenza wara l-fertilizzazjoni, iżda qabel.”

Infatti, spjega t-tabib Grech, “fin-natura, tlieta minn kull erbgħa każi, wara l-fertilizzazjoni naturali, ma jirnexxilhomx jibdew jifformaw fil-ġuf, infatti, bl-ordni naturali tal-ħajja, jiġu mneħħija mill-ġisem tal-mara.”

L-ILLUM saqsiet lil Dr. Grech jekk la darba fil-futur qarib, isir qbil xjentifiku dwar iż-żmien preċiż meta tibda l-ħajja, pereżempju waqt il-ġimgħa li fiha tibda l-attività tal-moħħ, dan ikunx ta’ għajnuna biex f’pajjiż bħal Malta jkun hemm ċans li jiġi diskuss l-abbort. Għal dan, huwa rrisponda li “Aħna ma rridux l-abbort, għaliex ma rridux qtil ta’ ħajja. Jekk xi darba jiġi deċiż eżattament meta tibda l-ħajja, li ma naħsibx li qatt jista’ jsir, imma jekk punt preċiż qabel tibda l-ħajja jiġi stabbilit, mela intervent qabel dak il-punt, lanqas biss ikun ikkunsidrat bħala abbort, imma dan jista’ jiġri biss jekk ma jkunx hemm l-iċken dubju.”

l-abbort m’għandu jsir fl-ebda stadju, minħabba li għad m’hemmx qbil fuq meta eżatt tibda l-ħajja, u allura sakemm nibqa’ ħaj jien, mhu ħa naqbel qatt miegħu Dr. Etienne Grech

Bħala prova kontra t-teorija li l-ħajja tibda mal-konċepiment, Grech, għamel aċċenn interessanti dwar kif jitwieldu t-tewmin identiċi, fejn spejga li dawn jiffurmaw wara l-fertilizazzjoni, wara li ċ-ċellula fertilizzata tibda tagħmel triqtha lejn il-ġuf.

Hemm qbil xjentifiku li t-tewmin identiċi jifformaw billi l-grupp taċ-ċelluli fertilizzati jinqasmu f’żewġ settijiet distinti, jew anke aktar, u jimplantaw separatament fil-ġuf, bir-riżultat li jifformaw tewmin. Issa ovvjament tewmin, minkejja x-xebh fiżiku, huma żewġ individwi separati u distinti. Allura fil-każ tat-twemmin li l-ħajja tibda qabel il-fertilizzazjoni… kif jista’ jkun li wara li bdiet il-ħajja, imbagħad tinqasam f’żewġ ħajjiet separati u individwali ?

Meta tieqaf l-attività fil-moħħ, jista’ jingħad li l-persuna mejta, minkejja li xi organi oħrajn, separatament għadhom ħajjin

Raġuni b’argument aktar sod dwar it-twemmin ta’ Grech li m’hemmx ħajja mingħajr attività tal-moħħ għandu bażi fil-każ ta’ meta bniedem ikun ‘brain-dead’, mejjet minn-moħħu, forsi b’kaġun ta’ inċident jew marda, u jiġi ddikjarat li mejjet minn moħħu minn żewġ professuri differenti u indipendenti minn xulxin.

Wara dan il-qbil li l-moħħ miet, allura jista’ jingħad li l-persuna mejta, u sa anke jista’ joħorġilha ċertifikat tal-mewt, minkejja li xi organi oħra, separatament għadhom ħajjin, u jistgħu jiġu mgħotija lil ħaddieħor.

“F’dan il-każ, minkejja li organi ħajjin jistgħu jingħataw lil ħaddieħor, bioloġikament il-bniedem ma jkunx ħaj”, jisħaq Grech, filwaqt li jispejega kif “Bioloġikament hemm livelli differenti ta’ ħajja, li huma livell ċellulari, livell ta’ tessut, livell ta’ organi u livell ta’ organiżmu. Il-bniedem huwa organiżmu magħmul minn kollettiv ta’ ċelluli.”

Skont Grech, meta aħna niddefinixxu l-ħajja, ma narawhiex fuq livell taċ-ċellula jew tat-tessut għax dawn jibqgħu ħajjin anke wara li l-moħħ ikun miet u spiċċa. Bniedem ikun mejjet meta jieqaf jaħdem fuq livell ta’ organiżmu, u dan jiġri meta jieqaf il-moħħ.

Il-kontroversja tidħol għax anke meta l-moħħ ikun mejjet u l-ġisem lanqas ikun kapaċi jieħu nifs mingħajr l-għajnuna ta’ magni, iċ-ċelluli u t-tessuti jkunu għadhom ħajjin. Allura jidħol id-dibattitu dwar fuq liema livell għandu jiġi kunsidrat ħaj jew mejjet il-bniedem.

Bħala tabib, Grech spejga li jekk wara l-mewt, ċellula mill-ġisem tiġi ppreservata u miżmuma ħajja, dan ma jfissirx li l-bniedem li minnu ttieħdet iċ-ċellula għadu b’xi mod ħaj.

“Il-moħħ huwa l-uniku organu fil-ġisem tal-bniedem li ma jistax jinbidel, bħala dak l-organu li jmexxi l-funzjoni tal-organi l-oħrajn kollha, u huwa wkoll responsabbli mill-personalità tal-individwu,” jsostni Grech, filwaqt li kkummenta li għalqastant, bniedem b’xi partijiet minn ġismu neqsin mhuwiex inqas ħaj, daqs kemm bniedem b’ċelluli ħajjin imma moħħ mejjet mhuwiex inqas mejjet.

Dawk li filosofikament jemmnu fir-ruħ, fil-kuntest tagħha, din tinsab fil-bniedem bħala organiżmu, mhux f’ċelluli separati. Ir-ruħ, li hija aktar riflessa fil-karattru, l-imġieba u l-valuri ta’ bniedem, hija aktar abbinata mal-moħħ milli ma kwalunkwe parti oħra tal-ġisem li l-bniedem jista’ jbiddel jew jgħix mingħajrha.

Mistoqsi dwar il-legalità li persuna tiġi ddikjarata mejta għax il-moħħ tkun waqfitlu l-attività, Grech irrisponda li waqt l-istudju dwar il-liġi tad-donazzjoni tal-organi, kien ġie konkluż li m’hemmx definizzjoni ta’ mewt.  “Malta għad m’hawx definizzjoni ta’ mewt, lanqas wara li daħal l-att dwar id-donazzjoni tal-organi. Bażikament, id-dikjarazzjoni tal-mewt titħalla f’idejn il-kompetenza medika ta’ min ikun qed jieħu ħsieb kull każ individwali u uniku.”

Il-familjari tal-pazjent għandhom id-dritt legali u etiku jieħdu deċiżjoni dwar il-ħajja u l-mewt f’isem il-maħbub tagħhom ?

S’issa kif inhi l-liġi l-ġdida dwar id-donazzjoni tal-organi,  dak li jkun f’ħajtu wera x-xewqa permezz tar-reġistru tad-donazzjoni tal-organi, li l-organi tiegħu jiġu mogħtija ’l ħaddieħor wara mewtu, dik bażikament tfisser li jekk ikun iddikjarat mejjet minn moħħu, lanqas il-familjari ma jistgħu jwaqqfu lit-tobba milli jitfu l-magni u jieħdu l-organi.

“Jekk l-esperti jiddikjaraw li l-moħħ huwa mejjet, allura r-rieda tal-pazjent tiġi rrispettata, irrelevanti mix-xewqa tal-familjari,” sostna Grech.

Meta beda d-dibattitu dwar il-mewt assistita, l-Alternattiva Demokratiku kienu ssuġġerew li għandha ssir sistema ta’ wirt bioloġiku, fejn fil-kapaċitajiet mentali u fiżiċi preżenti, wieħed jista’ jħalli bil-miktub, b’mod legali li f’każ ta’ inċident jew mard serju ma jinżammx ħaj permezz ta’ ebda magna jew apparat mhux naturali, u jista’ wkoll jirrifjuta l-għotja ta’ ċertu kuri, mediċini jew trattamenti mediċi.

Dwar dan, Grech ikkummenta li s’issa dan għadu mhux legali jew possibli, għax għad m’hemmx struttura legali li tgħin lit-tobba jieħdu deċiżjonijiet dwar jekk ikomplux jagħtu kura jew le. Bħalissa dan isir biss skont id-diskrezzjoni u l-aħjar għarfien mediku u etiku tagħhom.

Filfatt meta nqalgħet il-kwistjoni ta’ Joe Gauci, raġel li jbati bil-‘Motor Neuron Disease’, aktar magħrufa bħala ‘ALS’, li talab mewt assistita għal meta l-kundizzjoni tiegħu tnaqqaslu d-dinjità u l-kwalità ta’ ħajtu, kien hemm min diġà beda joqmos, jikkontesta u jipprotesta għal deċiżjoni li tista’ tittieħed fil-parlament, qabel biss din ġiet diskussa minn ħadd.

Infatti Grech, ikkomferma li l-Prim Ministru stess huwa kontra l-ewtanasja iżda xorta sostna li huwa importanti li tinstema’ x-xewqa u r-rieda ta’ Gauci.

Jista’ jkun li għal persuna li għandha marda fi stadju bikri, li iżda tkun taf li ’l quddiem din se tiddiġenera tant li tnaqqaslu l-kwalità tal-ħajja, f’Malta għad m’għandniex l-istruttura li dak li jkun jista’ jagħżel jekk iridx trattament estensiv jew le. Jeżistu ċirkustanzi fejn persuni li jinstabu fi stat debboli jew marid ħafna, ma jkunux f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjoni għalihom innifshom, dwar jekk pereżempju tingħatalhomx il-kimoterapija jew jekk jiġux assistiti minn xi magna li tgħin bin-nifs.

Ewtanasja Le… ‘Living Will’ Iva

Meta bniedem li mhux kapaċi jieħu n-nifs minn jeddu b’mod naturali, jiġi megħjun minn magna fl-ITU, dan jista’ jibqa’ jgħix għal aktar xhur, bi kwalità ta’ ħajja dibattibli. Mistoqsi dwar jekk l-għażla li l-ħajja tiġix imtawla permezz ta’ magni jew le għandix tkun waħda personali tal-pazjent, Grech irrisponda li jaqbel li d-deċiżjoni għanda tkun tal-pazjent u jaqbel mhux mal-ewtanasja, li hija assistenza biex wieħed imut, iżda jaqbel li għandu jkollna struttura li nagħmlu dik li jgħidulha, ‘Living Will’, direttiva avvanzata li wieħed ikun jista’ jħalli bil-miktub minn qabel, f’forma ta’ testament, li jobbliga t-tobba jobdu r-rieda tiegħu, sakemm din taqa’ taħt il-kriterji tal-liġi.

“La l-poplu u lanqas il-gvern ma jrid l-ewtanasja, iżda diskussjonijiet dwar ‘Living Will’ jafu jkunu l-ewwel pass għal soluzzjoni etika li tagħti d-dritt tal-għażla biex pazjent jiffranka ħafna tbatija inutli Dr. Etienne Grech

Grech saħaq li s’issa Malta għad m’hawx appoġġ legali biex dan ikun possibbli, allavolja hawn każi ta’ pazjenti li jistgħu jirrifjutaw operazzjoni estensiva, jew kimoterapija, jekk b’riżultat ta’ dawn, il-ħajja lakemm se testendi ruħha bi ftit xhur ta’ agunija biss.

Grech informa lil din il-gazzetta, li fid-dawl tat-talba ta’ Joe Gauci, li qajmet lok għal numru ta’ diskussjonijiet dwar il-possibiltà u l-legalità tal-mewt assistita, il-Prim Ministru għandu jsejjaħ laqgħat bejnu, bejn Gauci u diversi ministri u membri parlamentari oħra biex jinstema’ l-każ tiegħu.

“Dan ma jfissirx,” qal Grech, “li l-gvern huwa b’xi mod favur tal-ewtanasja, iżda għax irid jibda jisma’ dawn l-affarjiet.”

Grech jemmen li minkejja li l-ewtanasja ssir f’ċerti pajjiżi u tieħu forom differenti li jvarjaw bejn l-għotja ta’ mediċinali biex titwaqqaf l-agunija, għal nuqqas ta’ għotja ta’ trattamenti, l-ewwel pass li għandu jittieħed hawn Malta m’għandux ikun favur mewt assistita,  iżda lejn direzzjoni li tindirizza x-xewqa tal-pazjent li ma jgħaddix minn agunija mhux neċessarja jew naturali.

U din, hija l-bażi tal-‘Living Will’, li tagħti istruzzjonijiet ċari minn qabel dwar ix-xewqa tal-individwu li ma jingħatawx kuri li jtawlulhom ħajjithom, għad-detriment tal-kwalità u d-dinjità tal-istess ħajja.

Grech temm jgħid li “la l-poplu u lanqas il-gvern ma jrid l-Ewtanasja, iżda diskussjonijiet dwar ‘Living Will’ jafu jkunu l-ewwel pass għal soluzzjoni etika li tagħti d-dritt tal-għażla biex pazjent jiffranka ħafna tbatija inutli.”

More in Socjali