‘Aqbad €50 miljun mill-bejgħ tal-passaporti u investi f’bank soċjali’

L-Alleanza Kontra l-Faqar tipproponi twaqqif ta’ bank b’interessi baxxi għal min ma jista’ qatt jikkwalifika għal self

Il-housing bħalissa hija problema għal ħafna familji bi dħul baxx
Il-housing bħalissa hija problema għal ħafna familji bi dħul baxx

L-Alleanza Kontra l-Faqar qed tipproponi li parti mill-flus li deħlin mill-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti (IIP) imorru għat-twaqqif  u l-operat ta’ bank soċjali li joffri self ta’ flus b’interessi baxxi għal dawk in-nies u familji li huwa diffiċli ferm li qatt jikkwalifikaw għal xi tip ta’ self li jkun jista’ jagħmilhom sidien ta’ djarhom.

Mal-ILLUM il-kelliem ewlieni tal-Alleanza Charles Miceli spjega kif din il-proposta, li tressqet għall-kunsideraazjoni tal-Gvern aktar kmieni din Il-Ġimgħa, qed issir biex toħroġ lil dawk li qed ibatu minħabba l-ispiża tal-kirja privata li f’dawn l-aħħar sentejn żdiedet b’mod drammatiku. Mistoqsi minn din il-gazzetta kif qed jara li bank simili jista’ jopera Miceli spjega kif dan il-bank jew ma jżomm l-ebda interessi jew inkella interessi baxxi ħafna ta’ madwar 1%, bil-perjodu li fih jeħtieġ isir il-pagament ikun itwal minn dak li joffri bank kummerċjali. “Irridu nagħmlu lil dawk li bħalissa huma maqbudin f’morsa għax ma jifilħux iħallsu kera u ma jistgħux jingħataw self minħabba dħil baxx sidien ta’ djarhom, b’hekk biss inkunu qed nassiguraw li dawn jibdew jintrefgħu mill-faqar.”

Miceli qal li f’din il-kategorija hemm bosta nies, mhux biss dawk bi dħul baxx imma wkoll dawk li jkollhom kondotta mhux nadifa. “Sfortunatament, hemm min jispiċċa fil-ħama u minflok isib l-għajnuna, jsib min jitfgħu aktar fil-ħama.”

Mohammed Yunus, il-fundatur tal-Grameen Bank
Mohammed Yunus, il-fundatur tal-Grameen Bank

L-idea ta’ bank soċjali taf l-għeruq tagħha fil-Bangladesh fejn il-Professur Mohammed Yunus kien waqqaf il-Grameen Bank,  li llum għandu 8,500 fergħa f’85,000 villaġġ. Sas-sena 2005 il-bank kien sellef aktar minn $4.7 biljun u sas-sena 2008 kien sellef $7.6 biljun, b’98% tas-self jitħalles lura. L-ewwel persuna li pubblikament tkellmet dwar il-bżopnn ta’ bank soċjali kienet l-Avukata Anna Mallia f’artiklu li kitbet nhar il-Erbgħa 20 ta’ Lulju fil-gazzetta l-Orizzont.

Tiżdied il-faxxa ta’ nies li ma jħallsux taxxa tad-dħul

Intant l-Alleanza Kontra l-Faqar ressqet numru ta’ proposti oħrajn quddiem il-Gvern, bil-ħsieb li dawn jkunu adottati bħala miżuri baġitarji. Fost dawn l-Alleanza qed tipproponi li l-faxxa ta’ dawk li ma jħallsux taxxa tad-dħul tiżdied. Mal-ILLUM Miceli jgħid illi qed jipproponu li s-ceiling ta’ €9,100 għal persuna li tgħix waħedha u €12,700 għal koppja miżżewġa jiżdied b’mod li jirrifletti aktar r-realtajiet tal-lum.

Minkejja li ma xtaqx jagħti figura preċiża Miceli jgħid illi skont r-rapport tal-Caritas persuna waħedha teħtieġ €11,000 fis-sena biex tal-anqas tgħix ħajja diċenti u jkollha l-bżonnijiet bażiċi.

L-Alleanza Kontra l-Faqar qed tipproponi wkoll li tiżdied il-paga minima, li jkun hemm xi forma ta’ kontroll ta’ kemm tista’ togħla kera kif proponiet Yana Mintoff u kif jiġri fi bliet bħal Berlin, li tkun iċċarata d-definizzjoni ta’ x’inhu prekarjat u li min jikser il-liġi jkun penalizzat u li ssir reviżjoni ta’ kif jinħadmu l-indiċi tal-prezzijiet biex l-inflazzjoni tirrifletti aħjar il-bżonnijiet tal-individwi u familji fil-faqar. 

More in Socjali