Itlob permess… jekk trid !

Biex tagħmel BBQ trid titlob permess...suppost... iżda jekk tkun inqas minn 15-il persuna, dan tista' tiffrankah

“Il-permessi għall-BBQs jinħarġu biss għal grupp ta’ nies ikbar minn 15-il persuna … meta jkun hemm inqas, mhux neċessarju jintalab permess, u għaldaqstant ma jkunx hemm kontroll fuqhom.”

Dan stqarru mal-ILLUM is-sindku John Buttigieg, hekk kif spjega s-sitwazzjoni li jaffaċja l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fir-rigward tal-permessi għall-BBQs li bħalissa, tant huma laxki u mingħajr infurzar, li pratikament jekk wieħed jitlobx permess jew le, hija biss għażla personali.

Buttigieg saħaq li bħalissa s-sistema qiegħda timxi skont ‘Bye Law’ li saret fl-2009, li biha huwa diffiċli li jsir monitoraġġ ta' dak kollu li jkun qiegħed iseħħ fuq il-bajjiet, minħabba li persentaġġ kbir tan-nies fuq il-bajja ma jkunux marbuta b’ebda permess.

Għaldaqstant, din is-sena l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa rreveda din il-‘Bye Law’ u ppropona xi tibdiliet sabiex ikun hemm aktar kontroll u infurzar. “Sfortunatment,” qal is-Sindku, “din il-‘Bye Law’ għaddejniha lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali f'April li għadda, u sal-ġurnata tal-lum għadhom mingħajr risposta fuqha.”

Qabel tiġi approvata l-‘Bye Law’, lanqas jista’ jsir infurzar

It-tibdiliet fil-‘Bye Law’ proposti mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kienu li kull min ikun irid jagħmel BBQ, ikun kemm ikun in-numru ta' persuni, jkun meħtieġ li jitlob permess. Dan ikun jgħodd għall-bajjiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill tal-Mellieħa, li huma l-bajja tat-Torri l-Abjad, il-bajja tal-Armier iż-Żgħir, l-Armier, il-parti ċentrali tal-Għadira u l-Bajja tal-Mixquqa. Fil-bajja tal-Imġiebaħ ma jistgħux isiru BBQs.

Bil-‘Bye Law’ l-ġdida qiegħed jiġi wkoll propost li fil-Bajjiet tal-Għadira, kif ukoll fil-Bajja tal-Mixquqa, ma jsirux BBQs bil-faħam jew ħatab. Ir-regolamenti għall-kumplament tal-bajjiet l-oħra jibqgħu kif inhuma.

Buttigieg stqarr ma’ din il-gazzetta li qabel ma tiġi approvata l-‘Bye Law’ il-ġdida li biha kulħadd ikun marbut li jkollu permess għall-BBQ, lanqas infurzar ma jista’ jsir għax filwaqt li numru żgħir ta’ nies reponsabbli jkunu ġabu permess regolari, ħafna oħra jabbużaw mill-fatt li jkunu inqas minn 15 biex ma jħallsux għall-permess, u għaldaqstant l-imġiba ta’ dawn tal-aħħar ma tistax tkun regolarizzata.

Is-Sindku spejga li jekk is-sistema tiġi simili ta’ dik li l-istess Kunsill juża għall-camping, fejn kull min japplika għall-permess jiġi allokat żona partikolari fejn joqgħod, b’dan il-mod l-okkupant ta’ kull żona jkun jista’ jinżamm responsabbli ta’ kull ħmieġ jew ħsara li jinstab f’dik iż-żona.

Permess għall-BBQ jista’ jsir faċilement online

Sabiex il-kisba tal-permess tkun aktar faċli għal min japplika, il-Kunsill iffaċilita l-affarijiet billi niehed sistema ta’ applikazzjoni u ħlas b’sistema online, biex dak li jkun, speċjalment jekk joqgħod ’il bogħod mill-Mellieħa, ma jkollux għalfejn imur il-Kunsill. Is-sindku spejga kif “b'hekk ikun hemm aktar kontroll fuq kemm jingħataw permessi għal kull bajja.” Huwa żied jgħid ukoll li bid-dħul iġġenerat mill-permessi, il-Kunsill ikun f'pożizzjoni li jdaħħal infurzar minħabba li kollox ikun regolari bl-istess mod għal kulħadd.

“L-intenzjoni tal-Kunsill,” temm jgħid is-Sindku, “kienet li l-‘Bye Law’ l-ġdida tibda titħaddem minn dan is-sajf, biss l-affarijiet ma mxewx kif xtaqna aħna.”

Is-sindku u l-Kunsill tal-Mellieħa jittamaw li l-awtoritajiet konċernati jagħtu xi forma ta’ rispons dwar il-proposti tagħhom, sabiex jekk hemm bżonn isiru xi tibdiliet, isiru mill-aktar fis possibli. Jekk tal-inqas das-sajf ma setax isir infurzar, almenu l-affarijiet jibdew b’mod ordnat u regolarizzat mis-sajf tas-sena d-dieħla.

More in Socjali