Santa Marija tar-rekords
“Bejgħ rekord ta’ kull żmien”
minn John Busuttil
- Tmiem din il-ġimgħa mistennija tkun aktar qawwija bħala bejgħ
- 26% żieda fil-bejgħ fi 15-il ġurnata t’Awwissu
- 68,000 qasmu l-fliegu fil-ġimgħa tal-Festa u 18,000 karrozza
- Il-GTA nkwetati minħabba ċ-ċitazzjonijiet li ngħataw
- Il-Ministru Bonnici jgħidilna li ma ngħatawx daqs kemm qed jingħad
Il-Festa ta’ Santa Marija mliet Għawdex daqs bajda. Maltin u barranin marru kważi tliet darbiet aktar milli hemm Għawdxin. F’ġimgħa qasmu 68,000 persuna u f’Għawdex kien hemm jiġru 18,000 karrozza iżjed għax qasmu l-fliegu 11% aktar karrozzi mis-sena li għaddiet.
Kienet Santa Marija tar-rekords. Rekord ta’ nies, rekord ta’ karrozzi u rekord ta’ bejgħ fejn n-negozji tal-kummerċ qatt ma raw daqshekk bejgħ. Fil-fatt tkellimna ma’ Marija Farrugia li tmexxi l-istabbilment ta’ The Duke’s u qaltilna li jinsabu kuntenti ħafna bis-suċċess li kellu kull ħanut fl-istabbilment. “Mill-bidu t’Awwissu sal-ġimgħa ta’ Santa Marija kellna 26% żieda fil-bejgħ. Kellna laqgħa mal-ħwienet kollha tagħna u dawn qalulna li jinsabu kuntenti ferm. Rekord assolut ta’ bejgħ ta’ kull żmien u qed nistennew iżjed bejgħ din il-ġimgħa. Għax wara l-ġimgħa ta’ Santa Marija jimlew Għawdex dawk il-Maltin kollha li joħorġu bix-shutdown u dawn normalment jonfqu aktar. Għalkemm qatt daqs din is-sena ma kellna dan il-bejgħ kollu fejn żidna fuq is-sena ta’ qabel bi 30%.” U dan ikkonfermah iċ-ċerman tal-Gozo Channel li qalilna li anke din il-ġimgħa li ninsabu fiha l-vapuri ma waqfux u jidher li se tkun ġimgħa qawwija daqs dik ta’ Santa Marija.
Sadattant l-Illum tkellmet ukoll ma’ Joe Muscat il-kap eżekuttiv tal-Gozo Tourism Association li qalilna li dan kollu hu mertu kbir tas-servizz mill-aqwa li qed jagħti l-Gozo Channel bil-ħaddiema tiegħu ma ħadux nifs jaħdmu lejl u nhar b’servizz ta’ shuttle. Dan barra x-xogħol kollu li sar matul is-sena biex Għawdex jiġi rreklamat sew mal-Maltin u jinħoloq suq uniku għalih.
L-ILLUM għamlet ir-riċerka tagħha u sabet li l-maġġoranza tal-Maltin li telgħu Għawdex għażlu li jorganizzaw l-ikliet tagħhom fil-framhouses jew appartamenti li krew flimkien mal-ħbieb tagħhom u dan jidher li naqqas ftit min-numri tar-ristoranti li ma mtlewx kollha kemm huma, iżda żgur li marru tajjeb is-supermarkets Għawdxin speċjalment il-LIDL li matul il-ġimgħa kien ippakkjat b’Maltin, bil-karrelli mifqugħin b’kull tip ta għaġin, inbid, birra, energy drinks, ġelati, laħam tal-BBQ, sauces u ġobon; fejn ridt tistenna għal ħin twil wara karrelli oħra biex tgħaddi minn kuridur għall-ieħor. Mill-istħarriġ li għamilna anke s-supermarkets l-oħra kellhom ħafna aktar xogħol mis-soltu fejn anke dawn kienu mimlija b’Maltin jimlew il-karrelli tagħhom.
Min ħaseb li l-clubs bħall-Grotta se jkunu mifqugħa biż-żgħażagħ Maltin mar kemmxejn żbaljat għax dawn iż-żminijiet m’humiex magħrufa għat-turist żagħżugħ bħal dak tal-Karnival, iżda tal-familji u ħbieb li jqattgħu l-ħin tagħhom, jgħumu, jieklu, jixorbu u jagħmlu parties fil-farmhouses. Il-fatt li 1,700 sodda fil-lukandi kienu meħuda kollha u l-5,000 appartament u farmhouse (li huma rreġistrati) kienu kollha mimlija, juri eżatt il-fatti kif kienu.
Kull pożittiv iġib miegħu n-negattiv
Rekord ta’ nies, karrozzi, bejgħ u rekord ta’ ċitazzjonijiet skont il-Gozo Tourism Association u l-Gozo Business Chamber. Għalkemm meta tkellimna mal-ministru Owen Bonnici li taħtu jaqgħu l-gwardjani lokali qalilna li ma ngħatawx daqshekk aktar mis-soltu u l-aktar ċitazzjonijiet ingħataw minħabba double u triple parking fi triq it-Tiġrija.
Kull influss qawwi fi gżira ċkejkna bħal Għawdex iġib miegħu sew tkattir ta’ ġid u anke tkattir ta’ problemi fejn anke ż-żibel ħdejn l-appartamenti kiber mhux ftit u dawk il-maltin li krew xi akkomodazzjoni f’Għawdex ħallew il-boroż suwed tagħhom fit-toroq jew appartamanti li krew. Li ma kinux jafu li dawn ħallewhom mit-Tnejn sat-Tlieta meta nhar ta’ Tlieta jinġabru l-boroż l-griżi u għalhekk iż-żibel tħalla fl-art għal kważi jumejn. Kien ikun aktar ta’ sens komun kieku l-iskart inġabar kollu wara festa li ġabet daqshekk turizmu lejn Għawdex.
M’għandniex nużaw dawn iż-żminijiet biex indaħħlu lill-Maltin f’nasba
Tkellimna ma’ Joe Muscat li qalilna li dan is-suċċess jista’ jitħassar jekk ma nużawx is-sens komun, “Qrajna ħafna lmenti ta’ Maltin li ma jridux jitilgħu iżjed Għawdex minħabba ċ-ċitazzjonijiet li qalgħu. Għax il-Malti lest li jonfoq €500 u €20 ċitazzjoni ddejqu wisq. Iżda aħna ma rridux li jkun hawn kaos jew il-Malti jipparkja fejn irid u kif irid. Iżda qed nitolbu li l-gwardjani lokali jħarsu lejn il-prevenzjon aktar milli ċ-ċitazzjoni. Għandu jwissi qabel jaġixxi. Ma nistgħux nużaw dawn iż-żminijiet biex nagħmlu nasba lill-Malti. Il-Gwardjani għandhom imorru jkellmu lil min jkun se jipparkja ħażin u jfehmuh li hemm postijiet oħra li jistgħu jmorru jipparkjaw u jużaw jew it-trasport pubbliku inkella jimxu ftit. Għax bil-mod kif għamlu l-gwardjani lokali ġara li l-parkeġġ ħażin baqa’ hemm, il-kaos baqa’ hemm basta daħħalna l-flus. Mhux sew li dak li tant ilna naħdmu għalih inkissruh b’dan il-mod. U qed ngħiduh issa dan ħalli ma jerġax jiġri l-istess fil-mewġa kbira oħra li ġejja għall-Festa tal-Bambina.”
Tkellimna wkoll mal-Ministeru għal Għawdex dwar dan u qalulna li hu fattur li l-parkeġġ f’Għawdex mhux biżżejjed anke għall-Għawdxin biss aħseb u ara meta jiżdiedu b’daqsekk eluf il-Maltin. Qalulna wkoll li l-Ministeru qed jaħseb għal dan u sa sentejn oħra se jkun hemm parkeġġ ta’ madwar 400 karrozza taħt il-qorti li se jibda jinbena u anke taħt l-iskola li se tinbena flok il-grawnd li hemm fejn il-venda tal-linja li se jkollu diversi sulari taħt l-art bi spazji ta’ mijiet ta’ karrozzi. Kelliem għall-Ministeru qalilna li d-dinja ma saritx f’salt iżda qed jaħsbu biex fil-futur din il-problema tittaffa. Dwar iċ-ċitazzjonijiet l-istess kelliem qalilna li sfortunatament l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd u min jipparkja ħażin u jikser il-liġi irid iħallas għaliha.