
Bejn muntanji Ġermaniżi u gżejjer Ġriegi…
Il-preferenzi fis-safar għall-vaganzi tas-sajf tal-Maltin…

Il-Malti huwa poplu li jħobb isiefer u jgawdi…
More in Socjali
Il-preferenzi fis-safar għall-vaganzi tas-sajf tal-Maltin…
Hawn min iħobb xmajjar u muntanji, filwaqt li wħud jippreferu l-baħar u x-xemx fuq xi ramla Griega. Fis-sajf ħafna Maltin iħobbu jsiefru jagħmlu mezz li jaħarbu għal ftit taż-żmien mill-gżira tagħna biex iżuru pajjiż barrani. Iżda fejn jiġbidhom l-aktar lill-Maltin?
L-ILLUM tkellmet ma’ xi aġenziji tal-ivjaġġar sabiex titħarreġ liema kienu d-destinazzjonijiet favoriti tal-Maltin għal dan is-sajf.
Skont l-aġenzija Hamilton Travel, jidher li l-Maltin m’għadhomx jagħżlu l-Italja jew l-Ingilterra bħala destinazzjonijiet favoriti. Infatti, l-istess aġenzija qalet lil din il-gazzetta li dan is-sajf, l-aktar li kellhom domanda kienu għal vaganzi fl-Islovenja u l-Kroazja. Dan għaliex mid-dehra dawn il-pajjiżi, li qabel il-Maltin kien jistkerrhu xi ftit minħabba kwestjonijiet soċjopolitiċi li seta’ kellhom, illum qegħdin jirreklamaw lilhom infushom bħala destinazzjoni turistika attraenti.
Mhux il-Maltin kollha jfittxu xenarju differenti minn dak ta’ pajjiżna u jfittxu muntanji u xmajjar. Il-kumpanija SMS Mondial saħqet mal-ILLUM li Santorini, Rodi, Ċipru u Korfu kienu l-aktar destinazzjonijiet imfitxija mill-klijenti tal-kumpanija tagħhom, li juri l-gosti tal-Maltin ivarjaw u ħafna xorta jkun hemm min jagħżel li jżur bajjiet u kosti, minkejja li f’pajjiżna għandna simili tagħhom.
Brittania Tours intant qalu li min-naħa tagħhom l-aktar destinazzjonijiet imfittxija dan is-sajf kienu l-Islovenja, il-Ġermanja u l-Awstrija. Dan seta’ kien peress li din is-sena, huma offrew ġiti ġodda u varjati lejn dawn id- destinazzjonijiet li forsi ħajru aktar lin-nies jagħżluhom minn pajjiżi oħra.
Uħud jagħżlu li jmorru kontra l-kurrent u jikkunsidraw vaganzi differenti minn dawk li tagħżel il-maġġoranza u infatti jipprenotaw il-vaganzi tagħhom f’xi post eżotiku bħall-gżejjer tal-Maldives jew Mauritius, li aġenzija minn dawk li tkellmu magħna ddeskriviet bħala vaganzi popolari ħafna għall-qamar il-għasel.
L-aġenziji kollha semmew li din is-sena żdied aktar l-interess għall-‘cruises’, infatti ħafna Maltin għażlu li jqattgħu xi ftit ġimgħat fuq dawn il-vapuri lussużi li joħduhom f’postijiet anke ’l bogħod daqs il-Fjordi tan-Norveġja u saħansitra sal-Alaska. Cruises oħrajn popolari mal-Maltin kienu dawk madwar il-pajjiżi tal-Mediterran, li jinkludu fihom ġiti qosra f’kull pajjiż fejn jieqaf il-vapur.
Filwaqt li wħud jippakjaw ħwejjeġ għall-għawn, u oħrajn żraben komdi biex jimxu u jespoloraw il-kampanja, jibqa’ l-fatt li huma x’inhuma l-gosti differenti tal-Maltin, ħaġa tibqa’ ċerta; li l-Malti huwa poplu li jħobb isiefer u jgawdi…