ritratti | Suċċess għall-festa ta' Santa Marija ta' Kemmuna
Attendenza ta' iktar minn 3,500 għall-festa tradizzjonali f'Kemmuna
More in Socjali
Attendenza ta' iktar minn 3,500 għall-festa tradizzjonali f'Kemmuna
Mat-3,500 ruħ attendew għall-festa tradizzjonali ta’ Santa Marija f’Kemmuna li sena ilu reġgħet ingħatat il-ħajja wara nuqqas ta’ 40 sena.
Waqt it-tberik tal-istatwa ta’ Santa Marija ta’ Kemmuna, li għadha kemm ġiet restawrata b’fondi maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex, Anton Refalo saħaq dwar l-impenn kontinwu tal-Gvern biex Kemmuna, li hija ġojjell uniku, tkun konservata u mwieżna kulturalment.
Iċ-ċerimonja saret fil-Port tal-Imġarr qabel l-istatwa ta’ Santa Marija bdiet il-vjaġġ tagħha lejn Kemmuna. L-istatwa ta’ Santa Marija, inħadmet fl-1948 mill-artist Wistin Camilleri u ġiet regalata mill-Kaptan Charles Vassallo. Fl-aħħar jiem din ġiet restawrata mill-artist Għawdxi Manwel Farrugia. Ir-rinovazzjoni kien jikkonsisti f’ħafna xogħol peress li l-istatwa kienet ilha ħafna ma tingħata attenzjoni. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu stellarju ġdid, restawr tal-istatwa, u induratura tal-istess statwa bid-deheb.
Din il-ħidma ssiġillat ix-xogħol li bih, għat-tieni sena konsekuttiva u wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, il-festa ta’ Santa Marija f’Kemmuna setgħet terġa’ ssir. Kemmuna kienet ippakkjata minn Għawdxin, Maltin u anke turisti li għażlu li jżuru din il-gżira u jattendu għal din il-festa li saret parti mill-Kalendarju Kulturali Għawdxi, b’attivitajiet li laqtu l-gosti ta’ kulħadd.
Refalo tenna li l-Ministeru għal Għawdex jemmen bi sħiħ f’dawn l-attivitajiet kulturali u qed jagħti s-sehem u l-appoġġ tiegħu biex dawn l-attivitajiet dejjem jikbru. Dan biex nibqgħu nattiraw turisti ta’ kwalità u nsostnu r-rekords miksuba fil-qasam turistiku. Il-Ministru rringrazzja lil kull min kien involut biex din il-festa reġgħet ħadet il-ħajja u kienet suċċess.