5,400 sejħa għal intervent biex jitneħħa rimi illegali jew ħmieġ
98% tal-każi rrappurtati ġew solvuti
More in Socjali
98% tal-każi rrappurtati ġew solvuti
F’dawn l-aħħar sentejn, kemm ilu li l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura waqqaf il-freephone number 1718, għall-benefiċċju tal-poplu Malti, bl-iskop li pajjiżna jkun aktar nadif, id-Direttorat għat-Tindif daħlulu mal-5,400 sejħa biex jintervjeni f’każi biex jitneħħa rimi illegali jew ħmieġ f’toroq arterjali u distributorji, kif ukoll bajjiet.
Fil-fatt, 98% ta’ dawn il-każi huma solvuti kollha u dan wara intervent immedjat li jsir kull darba li jidħol ir-rapport. Għall-ewwel darba, grazzi għall-assistenza tal-Pulizija u uffiċjali tal-infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar, id-Direttorat għat-Tindif qed jintervjeni wkoll f’żoni privati.
F’dawn il-ġranet, din il-gazzetta hija informata li tressqu numru ta’ persuni li nqabdu jarmu b’mod illegali skart madwar ‘bring-in-sites’, u dan wara li b’koordinazzjoni mal-Kunsilli Lokali, twaħħlu xi kameras tas-sigurtà li grazzi għalihom, qed jittieħdu passi konkreti kontra dawn l-abbużi.
Sfortunatament, minkejja l-investiment li d-Direttorat għamel f’infrastruttura u makkinarju aħjar, għad hawn persuni irresponsabbli li jagħmlu użu ħażin minn dawn il-faċilitajiet, fosthom li faħam li jkun intuża għal barbikjus jintrema f’riċipjenti tal-plastik.
Id-Direttorat qed jieħu ħsieb ukoll li culverts jitnaddfu aktar spiss u permezz ta’ hekk, f’dawn l-aħħar snin, ir-riżultat ħalla impatt pożittiv, speċjalment wara maltempati, fejn l-ammont ta’ sadd huwa ħafna inqas minn dak li kien ikun hemm qabel.
Tajjeb wieħed jirrimakra wkoll li riċentament, fil-Gżira, fejn kien hemm problemi ma’ kuntrattur privat, il-Kunsill Lokali ma ddejjaq xejn jieħu azzjoni u jwaqqaf lill-kuntrattur. Imbagħad intalbet l-għajnuna tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fit-tindif bħala servizz ta’ emerġenza. Eżempju ieħor huwa t-tindif li sar dan l-aħħar fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, li fuq talba personali tal-Ministru Joe Mizzi, għalkemm ir-responsabbiltà ta’ dan il-ġnien ma taqax taħt id-Direttorat, id-Direttorat xorta intervjena fejn kien hemm ammont sostanzjali ta’ skart fi stat ta’ abbandun. Barra minn hekk, kien hemm rapporti wkoll ta’ skart fir-ring road ta’ bejn il-Mosta u n-Naxxar, fejn id-Direttorat intervjena fil-weekend ta’ Santa Marija.
F’dawk li huma bajjiet, minbarra t-tindif regolari li jsir, dan is-sajf id-Direttorat waħħal 50 sellum ġdid fuq għadd ta’ bajjiet f’Malta. Apparti hekk, żdiedu wkoll mat-42 sellum f'postijiet ġodda, jiġifieri fejn qatt ma kien jitwaħħal sellum u dawn saru wara talbiet li daħlu minn individwi.
Bir-riħ qawwi li kellna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, saru ħsarat f'diversi poġġamani u slielem f'Tas-Sliema, Xgħajra, Wied il-Għajn u San Pawl il-Baħar. Id-Direttorat qed jagħti attenzjoni immedjata sabiex isiru t-tiswijiet fil-ġranet li ġejjin.