F'ittra li bagħat lill-Ministru tal-Ambjent u Żvilupp Sostenibbli Josè Herrera u li s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Awtorità tal-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman David Pace jgħid illi minn mindu saret il-qasam fil-MEPA u wara l-avvenimenti tal-aħħar ġimgħat, l-Awtorità tal-Ambjent saret 'bla snien, bla saħħa, bla influwenza jekk mhux ukoll irrelevanti.'
Pace jgħid illi apparti li l-Awtorità mhux qed tidher effikaċi fil-mod kief qed tmexxi l-poteri limitati tagħha, jgħid ukoll illi l-aspett ambjentali sar 'sekondarju għall-għoti tal-permess', hekk kif skontu dan jista' jingħata fuq il-merti esklussivi tal-iżvilupp u ppjanar.
Tul l-ittra Pace jsostni illi ż-żewġ awtoritajiet għandhom saħħa differenti, b'dik li suppost titkellem għall-ambjent tkun waħda pjuttost dgħajfa 'b'vot wieħed biss minn 14'.
Huwa jiddeskrivi bħala 'kontra r-regoli ta' trasparenza u kontabbiltà' li l-opinjoni taċ-Chairman tal-Awtorità titħalla mistura mill-pubbliku, speċjalment, ikompli jgħid Pace, meta l-istess opinjoni tkun waħda 'awtorevoli' u li tista tinfluwenza d-deċiżjoni tal-Bord.
Intant, illum stess, attivisti involuti fil-Kamp Emerġenza Ambjent qed jagħmlu azzjoni diretta sabiex juru d-diżappunt qawwi tagħhom bir-rwol li kellha l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fl-approvazzjoni tal-proġetti ta’ Townsquare u Mrieħel Towers mill-Awtorità tal-Ippjanar. Ċittadini mħassba b’din is-sitwazzjoni qed jipparteċipaw f’din l-azzjoni flimkien mal-Moviment Graffitti, Friends of the Earth u Flimkien għall-Ambjent Aħjar.
Dawn l-għaqdiet jemmnu li dawn it-torrijet għoljin li għadhom kemm ġew approvati se jkunu biss ta’ benifiċċju għal ftit nies sinjuri, għad-detriment tal-ambjent u tal-kwalità tal-ħajja tagħna.
Huma stqarru li "Dawn it-torrijiet enormi, li ġew approvati fin-nuqqas tà studji serji u pjanijiet olistiċi, se jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni ġa ħażina fir-rigward tal-konġestjoni, id-dranaġġ u t-tniggiż."
L-attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent huma iddiżappuntati ferm li f’dawn il-każijiet l-ERA naqset kompletament mid-dmir tagħha li tħares l-ambjent.