€800,000 għal rinovar ta' skola f'Ħaż-Żebbuġ

Ġħaddejja ħidma estensiva sabiex skola sekondarja li m’għadiex tintuża tiġi rinovata u mibdula fi skola ġdida tal-Primarja

Il-Ministru Evarist Bartolo iżur l-iskola f'Ħaż-Żebbuġ
Il-Ministru Evarist Bartolo iżur l-iskola f'Ħaż-Żebbuġ

Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada bħalissa għaddejja b’ħidma estensiva sabiex skola sekondarja li m’għadiex tintuża tiġi rinovata u mibdula fi skola ġdida tal-Primarja. Din se tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà, attraenti u moderna b’investiment ta’ madwar €800,000. Dan il-proġett se jkun qed jiġi finalizzat fiż-żmien stipulat u bin-nefqa kif iproġettata.

Apparti x-xogħol f’din l-iskola ta’ Ħaż-Żebbuġ, qed isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni estensiva f’diversi skejjel oħra f’Malta u Għawdex, b’investiment ta’ kważi €3 miljuni.  

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, spjega kif dawn il-proġetti huma kruċjali biex l-esperjenza edukattiva li tiġi offruta lit-tfal tkun dejjem aħjar. 

Minn Settembru li ġej l-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ se timxi f’din il-binja l-ġdida.  Il-binja eżistenti  tal-iskola primarja se tinkludi childcare centre ġdid fis-sular t’isfel u learning support centre fis-sular ta’ fuq.

Ix-xogħol estensiv li qed isir bħalissa jinkludi modifiki fl-istruttura tal-binja li fiha kien hemm l-iskola sekondarja.  Din l-iskola għalqet xi snin ilu.  Il-modifiki fl-istruttura jinkludu lift ġdid (li qabel ma kienx hemm), toilets ġodda, twaqqiegħ ta’ ħitan, u mina taħt l-art li se tgħaqqad l-iskola l-ġdida mal-iskola primarja li hemm bħalissa.  Se jkunu qed isiru diversi modifiki, anke fil-faċċata tal-iskola, biex din tkun aċċessibli għall-persuni b’diżabbilta`.  Xogħol infrastrutturali ieħor huwa l-livellar tal-bitħa tal-iskola peress li fl-iskola l-antika il-bitħa kellha livelli differenti minn tal-istess binja.  Bil-modifiki li qed isiru, il-bitħa tal-iskola l-ġdida se tkun tal-istess livell tal-kurituri u l-klassijiet tal-madwar.

Xogħol ieħor li qed isir huma t-tqegħid ta’ servizzi kompletament ġodda tal-ilma u l-elettriku, il-kisi tal-ħitan kollha bil-ġibs, it-twaħħil ta’ suffetti fis-soqfa, tqegħid ta’ madum u rħam ġdid, u diversi xogħol ta’ landscaping fil-bitħa u mal-faċċata tal-iskola.  Filfatt b’dan il-proġett l-FTS se tkun qed issebbaħ l-ambjent tal-madwar f’din il-parti ċentrali tar-raħal.

Parti importanti ta’ dan il-proġett huwa l-investiment li qed isir fl-għamara tal-iskola kollha, fl-interactive white boards, fil-kompjuters, u f’diversi apparat ieħor li huwa utli għat-tagħlim fid-dinja tal-lum. Investiment qed isir ukoll fil-faċilitajiet sportivi li se jkollha din l-iskola.

More in Socjali