Il-UNHCR għadha mħassba dwar id-detenzjoni f’Malta

L-aktar aspett li l-UNHCR fadlilha tħassib dwaru, huwa dak tad-detenzjoni ta’ minorenni fiċ-ċentri għall-ewwel akkoljenza (IRC)

Il-UNHCR sodisfatta iżda xorta ftit imħassba
Il-UNHCR sodisfatta iżda xorta ftit imħassba

Filwaqt li l-UNHCR laqgħet il-progress li ġabu magħhom it-tibdiliet fuq l-Att dwar l-Immigrazzjoni u r-Refuġjati f’Malta, għad fadlilha xi tħassib dwar ċertu aspetti li skont huma, għadhom mhumiex ċari u li għadhom mhux konformi mal-prinċipji dwar id-detenzjoni, u għaldaqstant ikkontestat il-legalità tad-detenzjoni tat-tfal anke skont il-liġijiet ta’ Malta stess.

L-aktar aspett li l-UNHCR fadlilha tħassib dwaru, huwa dak tad-detenzjoni ta’ minorenni fiċ-ċentri għall-ewwel akkoljenza (IRC) li hawn f’Malta.

F’dawn l-aħħar tliet snin, in-nuqqas ta’ immigranti li waslu Malta bil-baħar u ż-żieda fin-numru ta’ dawk li daħlu pajjiżna b’meżżi legali jew illegali oħrajn, wassal biex in-numru ta’ detenzjonijiet naqas sostanzjalment.

Meta kkumparat man-numru ta’ 500 minorenni miżmuma fiċ-ċentri ta’ detenzjoni li kien hawn f’Malta fl-2013, u l-126 li kien hawn fl-2014, kien hemm biss 11-il minorenni miżmun waqt l-2015. Dawn il-11-il minorenni, inżammu biss fiċ-ċentru ta’ detenzjoni mal-wasla tagħhom, iżda ġew meħlusa hekk kif l-età tagħhom kienet ivverifikata.

Fil-fatt, kien dan il-Gvern li għadda leġiżlazzjoni li tistabbilixxi li t-tfal tal-immigranti ma’ setgħux jinżammu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni. Dan sar wara li l-UNHCR talbet tibdil fuq l-Att dwar l-immigrazzjoni u r-Refuġjati, fejn minn wara Diċembru tal-2015, ġiet projbita d-detenzjoni ta’ tfal u tneħħa r-rekwiżit li persuni li jidħlu Malta irregolarment jinżammu taħt detenzjoni.

Fir-rigward taċ-ċentri għall-ewwel akkoljenza, il-UNHCR laħqet ftehim mal-awtoritajiet Maltin li ggarantew il-preżenza tal-UNHCR fiċ-ċentri, bl-iskop li tipprovdi informazzjoni, u fejn ikun bżonn toffri suġġerimenti dwar l-immaniġġjar taċ-ċentri.

Il-pjan nazzjonali għal azzjoni (NAP) sar mill-UNHCR b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali, flimkien ma’ numru ta’ NGOs lokali. Hekk kif il-pjan beda jitħaddan, UNHCR Malta għamlet l-osservazzjonjiet tagħha, li wasslu biex jiġu implementati l-proċeduri l-ġodda li bihom, issa qed jiġu salvagwardajati aktar id-drittijiet tat-tfal, flimkien ma’ aċċess għal parir legali bla ħlas, aċċess għad-detenuti minn familjari u membri ta’ NGOs u t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni li l-UNHCR kellha biex ikollha aċċess għad-detenuti.

Bejn l-2014 u l-2015, il-UNHCR infatti għamlet 69 żjara ta’ monitoraġġ fiċ-ċentri ta’ detenzjoni li bis-saħħa tagħhom il-UNHCR ħarġet numru ta’ rapporti li fihom dejjem aġġornat il-lista ta’ kwistjonijiet li kien jinħtiġilhom xi tibdil u li fil-fatt, anke wasslu għan-nuqqas sostanzjali fin-numru ta’ persuni, speċjalment minorenni, miżmuma fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.

More in Socjali