filmat | Tridu t-torri wara biebek?

L-ILLUM tinżel fl-Imqabba, Ħal Kirkop u ż-Żurrieq u tistaqsi lin-nies x’jaħsbu li kieku kellu jinbena skyscraper fil-pjazza

X'taħseb li kieku kellu jinbena torri fil-qalba tal-lokal tiegħek? | ritratti: Raphael Farrugia
X'taħseb li kieku kellu jinbena torri fil-qalba tal-lokal tiegħek? | ritratti: Raphael Farrugia

Il-kwistjoni tal-bini għoli u t-torrijiet f’pajjiżna qajmet ħafna furur fost bosta għaqdiet ambjentali, residenti tal-lokalitajiet li se jkunu qed jintlaqtu direttament, u anke fost il-poplu in ġenerali.

Minkejja dan, il-kwistjoni baqgħet ftit jew wisq lokalizzata, bl-argumenti jduru fuq it-torri propost u approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Tas-Sliema. Diversi argumenti kienu jiġġustifikaw dan l-iżvilupp għaliex huwa pjanat għal din il-lokalità; lokalità li n-numru ta’ bini għoli fiha huwa diġà konsiderevoli, hi żona turistika, b’diversi lukandi b’ħafna sulari, u l-iżvilupp fiha kważi ma qata’ xejn fi snin sħaħ. Ħafna jiġġustifikaw dawn it-tipi ta’ żviluppi wkoll għaliex jemmnu li ladarba ma nistgħux inkomplu niżviluppaw u nibnu billi nespandu fil-wisgħa, m’hemmx għażla oħra għajr li ngħollu l-bini u nitilgħu ’l fuq.

Iżda x’jaħsbu n-nies dwar żviluppi simili f’postijiet oħra? Xi jgħidu residenti ta’ lokalitajiet differenti li kieku dan l-iżvilupp kellu jsir wara biebhom fil-qalba ta’ xi villaġġ?

Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM marret f’diversi rħula, li huma magħrufa għaċ-ċokon jew il-kwiet tagħhom u waqt li wriet il-pjanti proposti ta’ 38 sular tal-proġett approvat għal Tas-Sliema, staqsiet lil diversi residenti x’jaħsbu li kieku dan it-torri kellu jinbena fil-qalba tal-lokalità tagħhom. Minkejja li huwa fatt li tali lokalitajiet ma jistax ikollhom dan it-tip ta’ żvilupp għaliex skont il-pjan lokali, dan mhuwiex permess, ir-residenti ġew mitluba jgħidu għalfejn jemmnu li dan l-iżvilupp huwa jew mhuwiex tajjeb għal-lokalità tagħhom. Intalbu wkoll jikkummentaw dwar il-proġett f’Tas-Sliema u jekk jaħsbux li dan il-proġett għandu postu f’din il-lokalità.

filmat: Raphael Farrugia

More in Socjali