
Tfittxija dwarek qabel interview? Ogħqod attent xi ttella'
L-ILLUM titkellem ma’ għadd ta’ kumpaniji dwar l-influwenza li għandhom il-mezzi soċjali fuq il-prospetti ta’ impjieg ġdid
minn Veronica Lynn Mizzi

Ħafna nies li ma jużawx is-siti soċjali jew huma xettiċi dwarhom, spiss iqisu lis-siti soċjali bħal Facebook bħala mod perfett ta’ kif bniedem jikxef għajnu man-nies, min sejjer għal xi btala, min ħareġ jiekol mal-ħbieb, min ħa xi tazza xorb żejda u beda jibbużullotja... Kollox issib fuq Facebook, anke dawk il-mumenti li ma tantx xtaqt li jkunu pubbliċi biex jarahom kulħadd. Kultant, dawn il-mumenti li jispiċċaw pubbliċi kontra qalbna jaf jiswelna twiddiba fuq il-post tax-xogħol jew f’ċertu ċirkostanzi, konsegwenzi iktar serji. Imma fil-verità kemm hija kbira l-influwenza li għandhom il-mezzi soċjali fuq il-ħajja tax-xogħol? Iktar minn hekk, kemm hija reali li min iħaddem jagħmel tfittixa fuq il-mezzi soċjali qabel eventwalment isejjaħ għall-ħaddiem għall-interviews? U dak li jinstab fuq il-mezzi soċjali kemm jista’ jgħin jew jgħarraq il-prospetti tal-kandidat li qatt isiru impjegati ta’ tali kumpanija.
Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ma’ diversi kumpaniji f’oqsma differenti sabiex tara hux minnu li jsiru tali tfittxijiet qabel interview, u kemm dawn għandhom effett fuq id-deċiżjoni finali, jekk il-kandidat jiġix eventwalment impjegat.
Fil-fatt il-mistoqsijiet li saru lill-dawn il-kumpaniji kienu jinkludu, jekk isirux tali tfittxijiet, u jekk iva, xi jkunu dawk l-affarijiet li jiġu mfittxija. Dan minbarra l-effett li jħallu t-tfittxijiet: huwa possibbli li persuna ma tingħatax impjieg minħabba informazzjoni li jkollha fuq il-profil soċjali?
Bank
Kelliem għal bank lokali, li huwa responsabbli mill-ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda sostna li dawn it-tip ta’ tfittxijiet huma normali u tistenna li jsiru minn min iħaddem qabel interview. Iżda jsostni li l-aktar li jsiru, huwa sabiex jingħata sfond fuq il-ħaddiem prospettiv u jkunu jistgħu jaraw min hija l-persuna, minħabba li bosta drabi, CV ma tkunx akkumpanjata mir-ritratt tal-applikant. Ir-rappreżentant tal-bank semma diversi siti soċjali minbarra Facebook li jistgħu saħansitra jgħinu lill-impjegat prospettiv. Primarjament, isemmi s-sit Linkedin li huwa sit soċjali speċifiku sabiex jinħoloq network professjonali bejn min iħaddem u l-impjegati fejn anke jistgħu jiġu maqsuma r-referenzi u l-esperjenza ta’ xogħol.
Minbarra dan, il-kelliem tal-bank qal li dawn it-tfittxijiet ma jiddeterminawx il-futur tal-ħaddiem prospettiv, għaliex kif insisita hu, “l-iktar ħaġa importanti hija l-interview, u l-informazzjoni misjuba online mhux se tkun qed tiddetta x’se jsir.” Żied jgħid li l-mezzi soċjali jistgħu jkunu ta’ problema huwa meta jkun hemm kummenti li b’xi mod imorru kontra l-valuri tal-istess kumpanija. Minkejja dan, sostna li l-mezzi soċjali kapaċi juru l-lat pożittiv tal-persuna, billi jikxfu aspetti u mumenti tal-ħajja tal-impjegat prospettiv li huma pożittivi, bħalam jistgħu jkunu xi esperjenzi ta’ volontarjat.
Skola Indipendenti
L-ILLUM tkellmet ma’ kap ta’ skola indipendenti f’Malta li insista li hu ma jagħmilx dawn it-tip ta’ tfittxijiet qabel ma persuna tmur għall-interview fl-iskola, minħabba li jsostni li hu ma jkunx jixtieq li jkun preġudikat u li jkun ifforma opinjoni qabel ma eventwalment jara l-persuna. “Aħna nagħmlu interviews rigorużi ħafna, b’diversi nies jistaqsi għadd ta’ mistoqsijiet rigward it-tagħlim u l-karattru tal-kandidat.” Il-kap tal-iskola kompla jsostni li huwa jħoss li għandu jivverifika dak li jkunu qed itellgħu fuq is-siti soċjali l-għalliema tiegħu, ġaladarba dawn jibdew jaħdmu fl-iskola għaliex hemmhekk, “huma jkunu l-wiċċ tal-iskola u sa ċertu punt qed jirrappreżentaw l-iskola, allura jkun jeħtieġ li jirriflettu l-valuri li tħaddan l-iskola anke fuq il-mezzi soċjali tagħhom.”
Il-kap tal-iskola żied jgħid li huwa jippretendi ċertu tip ta’ atteġġjament mill-ħaddiema tiegħu, u sostna li jekk dawn ma jkunux qed iżommu miegħu, ikun lest li joħroġ twissijiet u anke jieħu azzjonijiet iktar drastiċi anke tul il-perjodu tal-probation.
Ħanut tal-ħwejjeġ
F’kuntatt ma’ din il-gazzetta, rappreżentant għal kumpanija lokali tal-ħwejjeġ, Nuvole, li hu responsabbli mir-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda saħaq li llum il-ġurnata, hija naturali li meta tiġi biex timpjega persuna, tkun għamilt it-tfittxijiet tiegħek dwaru, biex tkun tista’ tara x’tip ta’ persuna hu. Minkejja dan, isostni li ma jfissirx li dak li hemm fuq il-profil soċjali ta’ persuna, jiddefinixxi lill-istess persuna. Kif semmew kumpaniji oħra, ir-rappreżentant ta’ Nuvole żied jgħid li l-fattur determinanti jekk persuna hux se tieħu x-xogħol jew le hija l-interview, u “jekk persuna fl-interview turi li għandha dak kollu meħtieġ biex tkun tista’ tagħmel xogħolha sew, allura dak li jkollha fuq il-mezzi soċjali tagħha, mhux se jkun qed jaffetwa.”
Kumpanija tar-reklutaġġ
Kelliema għal kumpanija lokali tar-reklutaġġ sostniet li jekk bniedem jimpjega l-persuna l-ħażina, jista’ jiswielu ħafna, lilu u lill-kumpanija. Għaldaqstant, issostni li huwa importanti li wieħed jakkwista kemm jista’ jkun informazzjoni fuq il-ħaddiema prospettivi ta’ kumpanija sabiex id-deċiżjoni finali li tittieħed, tkun waħda infurmata. Ir-rappreżentanta tal-kumpanija żiedet issostni li waqt li min iħaddem jista’ juża l-mezzi soċjali biex ifittex fuq il-ħaddiema li mistenni jimpjega, il-kandidat jista’ jagħmel l-istess ħaġa u juża l-internet għall-vantaġġ tiegħu u jsir jaf iktar dwar il-kumpanija u min se jkun qed jimpjegah.
Il-kelliema tgħid li min japplika għal xi impjieg għandu jkun komdu b’dak li jitfa’ fuq is-siti soċjali flimkien man-numru ta’ nies li jkunu jistgħu jaraw dak li jitfgħu. Huwa għalhekk li l-kelliema tagħti parir lill-kandidati sabiex ikunu konxji li kull ħaġa li hija pubblika, tista’ taffettwa r-reputazzjoni tal-persuna, daqskemm tista’ taffettwa l-imġiba tagħna f’postijiet pubbliċi.

