"Ġieli sibna klieb mejtin u anke ħajjin fl-iskipps tal-Belt Valletta. Għalhekk tneħħew għax kien hemm l-abbużi anke mir-residenti stess." Din kienet ir-raġuni li ta l-kunsillier tal-Belt Valletta Ray Azzopardi fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook għal kumment tal-preżentatur Alfred Zammit, li wkoll huwa residenti Belti.
Il-preżentatur Zammit staqsa għalfejn tneħħew id-diversi skipps li kien hemm mifruxa mal-Belt Valletta, bil-konsegwenza li għadd ta' nies ma kellhomx fejn jitfgħu l-boroż taż-żibel tagħhom barra mill-ħin tal-ġbir, jekk dawn ma jkunux id-dar f'dawk il-ħinijiet.
Azzopardi wieġeb għal dawn ir-rimarki billi sostna li kien qed ikun hemm l-abbuż b'dawn l-iskipps, anke minn residenti stess, u jkompli jisħaq li f'tali skipps kienu sabu diversi oġġetti li ma kellhomx jintremew hemm, fosthom madum, partijiet minn magni tal-karozzi u saħansitra klieb mejtin u anke ħajjin.
Diversi residenti oħra wkoll esprimew id-diżappunt tagħhom għat-tneħħija tal-iskipps mit-toroq tal-Belt, b'għadd minnhom jitfgħu ritratti tas-sitwazzjoni li qed ikollhom jaffaċjaw ta' kuljum fejn il-boroż u l-kaxxi taż-żibel qed jitħallew wara l-bibien u fit-toroq minflok fl-iskipps kif kien isir qabel.
Dawn il-kummenti jiġu wara li iktar kmieni llum, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta xerred filmat li ttieħed bil-kameras, ta' persuna tarmi l-iskart tagħha illegalment u tbattal kaxxa żibel f'kantuniera fi triq fil-Kapitali.