Taħriġ internazzjonali għal youth leaders ambjentali
BirdLife Malta tgħin biex żgħażagħ jingħataw il-ħiliet biex iħajru oħrajn jirrelataw man-natura
More in Socjali
BirdLife Malta tgħin biex żgħażagħ jingħataw il-ħiliet biex iħajru oħrajn jirrelataw man-natura
Il-ġimgħa l-oħra, żewġ membri tat-tim edukattiv ta’ BirdLife Malta attendew sessjoni ta’ taħriġ fir-Renju Unit li kienet ospitata mir-Royal Society for the Protection of Birds (RSPB) flimkien ma’ youth leaders minn Malta, l-Irlanda, il-Polonja u r-Renju Unit stess bl-iskop li tagħti lil dawn iż-żgħażagħ il-ħiliet meħtieġa biex jintroduċu lil tfal u żgħażagħ oħra man- natura.
Il-kors mifrux fuq ġimgħa kien jifforma parti mill-programm edukattiv ta’ BirdLife Malta, Lifelong Learning through Nature, u permezz tiegħu l-parteċipanti tħarrġu f’diversi metodi u attivitajiet indirizzati għal etajiet speċifiċi li l-oġġettiv tagħhom hu li jressqu lil min jieħu sehem fihom eqreb lejn in-natura. Fost dawn kien hemm logħob ambjentali u logħob ibbażat fuq temi marbutin man-natura. Il-parteċipanti żviluppaw ukoll ħiliet ġodda fil-mod kif jilqgħu għal każi ta’ mġiba li toffri sfidi partikolari, fl-evalwazzjoni tat-taħriġ li se jkunu qed jagħtu huma stess u fil-kapaċità li jkunu ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor.
L-oġġettiv prinċipali tat-taħriġ kien li joffri lill-grupp ta’ parteċipanti varjetà ta’ ħiliet bażiċi li eventwalment jgħinuhom biex huma stess issa jkunu jistgħu jintroduċu lit-tfal u lil żgħażagħ oħra bħalhom mad-dinja tan-natura u fl-istess ħin ikunu kapaċi jħarrġu oħrajn biex jagħmlu l-istess u jipprovdu l-istess ħiliet huma wkoll.
Il-parteċipanti li ħadu sehem f’dan it-taħriġ kienu jirrappreżentaw esperjenza wiesgħa u varjata minħabba li kienu ġejjin minn diversi oqsma. Fosthom kien hemm erba’ youth leaders minn Malta membri tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iscouts u l-Assoċjazzjoni Maltija tal- Girl Guides, kif ukoll rappreżentant tal-grupp tal-young adults ta’ BirdLife Malta stess.
L-Education Manager ta’ BirdLife Malta Hannah Chisholm iddeskriviet dan il-proġett tal- Erasmus+ bħala wieħed li pprovda lil BirdLife Malta u lill-organizzazzjonijiet l-oħrajn involuti fih b’opportunitajiet uniċi biex jitgħallmu mill-esperjenza ta’ xulxin, bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni internazzjonali. Għen ukoll biex jiżviluppa l-ħiliet ta’ dawk li ħadu sehem. “Jien kburija li Malta mhux biss qed tkun leader fit-taħriġ ta’ youth leaders li jaħdmu mat-tfal fil-qasam tal-ambjent imma wkoll qed tipprovdi opportunitajiet lil pajjiżi oħra biex jagħmlu l- istess”.
Min-naħa tagħha l-Education Assistant ta’ BirdLife Malta Sarah Brady qalet li s-sħubija bejn BirdLife Malta u l-Malta Scouts u Guides ġiet stabbilita sew permezz ta’ din l-esperjenza.
“Issa nħarsu ’l quddiem lejn aktar ħidma ma’ dawn il-kuntatti ġodda biex niżviluppaw aktar taħriġ għal youth leaders bis-saħħa tal-ideat li nibtu minn din il-ġimgħa ta’ taħriġ fir-Renju Unit”.
Il-proġett Lifelong Learning through Nature li hu ffinanzjat mill-programm Erasmus+ tal-UE tnieda f’Malta fl-2014 u jibqa’ għaddej sal-2017. Għandu l-iskop li jispira tfal u żgħażagħ ta’ bejn il-5 u l-21 sena biex jieħdu rwol attiv fil-qasam ambjentali billi jippromwovu l-effetti pożittivi tat-tagħlim fuq barra, f’ambjent naturali.
BirdLife Malta trid tkompli tkun leader fil-mod kif l-NGOs ambjentali jidħlu fi sħubija ma’ organizzazzjonijiet bħall-Iscouts u l-Gird Guides biex jilħqu numru dejjem akbar ta’ żgħażagħ u adolexxenti involuti f’dawn it-tip ta’ gruppi u jiżguraw li dawn jingħataw l-opportunità li jirrelataw man-natura.