Il-Mitħna Ta’ Kola fix-Xagħra Għawdex se terġa’ tiftaħ il-bibien tagħha għall-viżitaturi s-Sibt 3 ta’ Settembru. Heritage Malta għaddejja b’xogħol ta’ restawr fuq il-makkinarju li kien jintuża għat-tħin kif ukoll fuq is-saqaf tagħha.
Il-proġett ta’ restawr beda madwar tlett snin ilu u matulu sar it-tibdil kollu neċessarju biex il-makkinarju tat-tħin jibda jiffunzjona mill-ġdid kif ukoll inbidel is-saqaf tal-injam. L-aħħar fażi tal-proġett ta’ restawr kienu s-sitt paletti li jaqbdu r-riħ u jibdew il-proċess kollu tat-tħin tal-qamħ. Is-sitt paletti twaħħlu f’dawn l-aħħar jiem.
Il-Mitħna Ta’ Kola hija waħda mill-ftit imtieħen fil-gżejjer Maltin li jafu l-oriġini tagħhom fil-perjodu tal-Kavallieri. Din il-mitħna ħadet isem Ġużeppi Grech, magħruf bħala Ta’ Kola, li għex u ħadem fiha sa mewtu. Huwa kien għażeb u wara mewtu fl-1986 il-mitħna għaddiet għand l-istat.
Minbarra l-post tax-xogħol tiegħu, din il-mitħna kienet ukoll id-dar ta’ Ġużeppi. Fl-ewwel sular kien igħix it-taħħan u fuq nett hemm il-makkinarju bl-ingranaġġi tal-mitħna. Fis-sular t’isfel il-viżitatur jista’ jesplora numru ta’ għodod oriġinali, b’uħud minnhom saħansitra magħmula minn sid il-mitħna stess.
Il-Mitħna Ta’ Kola tiftaħ kuljum bejn id-9.00 am u l-5.00 pm, bl-aħħar dħul isir fl-4.30 pm. Iktar tagħrif dwar il-Mitħna Ta’ Kola u tagħrif ieħor dwar Heritage Malta jinkiseb mill-website tal-aġenzija, www.heritagemalta.org, jew mill-paġna uffiċjali ta’ Facebook.