Tgħalaq il-kampanja favur il-qari għall-gost fis-sajf

Ċelebrazzjoni ta' qari f'Tas-Sliema f’għeluq il-kampanja 'Aqra fis-Sajf 2016', il-kampanja favur il-qari għall-gost fis-sajf

Ċelebrazzjoni ta’ qari fi Triq Bisazza, Tas-Sliema
Ċelebrazzjoni ta’ qari fi Triq Bisazza, Tas-Sliema

 

Dan is-sajf aktar minn 11,500 tifel u tifla, li attendew SkolaSajf, ħadu sehem fil-kampanja tal-qari għall-gost Aqra fis-Sajf 2016.

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu organizzat din l-inizjattiva biex tħeġġeġ lit-tfal u l-istudenti kollha jaqraw għall-gost. Waqt din il-kampanja ġew organizzati sessjonijiet ta’ qari flimkien fiċ-ċentri ta’ SkolaSajf f’Malta u Għawdex. Dawn is-sessjonijiet ta’ qari ingħataw minn 68 animatur li tħarrġu mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Barra minn hekk, it-tfal li jeħtieġu l-għajnuna fil-qari ssieħbu fi Klabbsajf u segwew programm ta’ qari ggwidat. Dawn is-sessjonijiet ta’ Qari Gwidat ingħataw minn 20 tutor tal-programm Nwar fi 13-il ċentru.

Matul ix-xhur tas-sajf, l-entità Libreriji Maltin estendiet il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ 12-il librerija pubblika, u d-Dipartiment Servizzi għall-istudent fetaħ 20 librerija tal-iskejjel medji u sekondarji. Fil-libreriji pubbliċi, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu baqgħet għaddejja wkoll bil-programmi Aqra Miegħi/Read with Me f’60 lokalità u Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories f’20 lokalità f’Malta u Għawdex.

Din il-kampanja favur il-qari ġiet fi tmiemha nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru 2016. Għal dan il-għan, ġiet organizzata ċelebrazzjoni ta’ qari fi Triq Bisazza, Tas-Sliema. Waqt din l-attività it-tfal ta’ SkolaSajf ħadu sehem f’attivitajiet ta’ gost, waqt li l-Ambaxxaturi tal-Qari qrawlhom stejjer bil-Malti u bl-Ingliż.

Bħala parti minn din il-kampanja, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo sfida lit-tfal biex iniżżlu fuq werrejja li saret apposta, l-ismijiet ta’ ħames kotba li jkunu qraw fis-sajf. Barra mill-isfida tal-Ministru, it-tfal ta’ SkolaSajf ħadu sehem f’kompetizzjoni għall-isbaħ disinn ta’ werrejja (bookmark). Ir-rebbieħa ta’ dawn il-kompetizzjonijiet se jitħabbru hekk wara li tispiċċa SkolaSajf.

Il-kampanja Aqra fis-Sajf ġiet organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, bi sħab mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, l-entità Libreriji Maltin, is-Sezzjoni tal-Manteniment lill-Istudenti, id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent u d-Direttorati tal-Edukazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. 

More in Socjali