
Razza ta’ klieb ‘kattiva’ ma teżistix…
Kelb wieħed salvaġġ ma jfissirx li r-razza kollha hija hekk, l-akbar tort ikun ta’ trobbija ħażina
minn Ruben Anthony Xuereb

Ir-razza ta’ klieb Mastiff Arġentini jħobbu jilagħbu, jieħdu ħsieb u jipproteġu t-tfal. Jingħad li bħala razza, iħobbu jitfissdu u jbusu. Magħrufin bħala ‘Dogos’, dawn il-klieb għandhom bżonn taħriġ konsistenti iżda pożittiv sa minn età żgħira…u mhumiex razza adatta għal kulħadd.
Fid-dawl tal-attakk sfortunat li ġarrbet mara mill-Gzira l-ġimgħa li għaddiet minn erbat iklieb tar-razza Dogo Argentino (Argentinian Mastiffs), l-ILLUM tixtieq titfa’ dawl fuq il-fatt li l-imġiba vjolenti u ħażina ta’ ċertu klieb partikolari, ma tfissirx li r-razza tagħhom, jew kwalunkwe razza oħra hija waħda vjolenti jew kattiva.
F’dan il-każ partikolari, anke l-MSPCA jemmnu li meta kelb juri mġiba vjolenti u agressiva lejn bniedem, sfortunatement m’hemmx mod ieħor ħlief li dan jitraqqad. Minkejja dan, ma jfissirx li kull kelb ta’ dik ir-razza partikolari huwa salvaġġ jew vjolenti u għaldaqstant tibda xi persekuzzjoni fuq razez partikolari.
“F’sena jingidmu ħafna aktar nies minn klieb żgħar bħal chihuahua u poodles milli minn pitbulls u mastiffs, iżda minħabba d-daqs ta’ dawn tal-aħħar, huma jispiċċaw fl-aħbarijiet…”
Din il-gazzetta tkellmet ma’ Chris Pace, behaviour advisor u tranier tal-klieb fi ħdan l-MSPCA li spjega li mġiba vjolenti fil-klieb mhix xi ħaġa marbuta mar-razza, iżda hija kompletament riżultat tat-trobbija u t-taħriġ li kellu l-kelb sa minn età żgħira.

Pace saħaq li mġiba agressiva min-naħa ta’ kelb, tiġi minn nuqqas ta’ soċjalizazzjoni u abitwazzjoni jew xi tip ta’ trawma u vjolenza mġarrba fi ċkunitu.
“Jekk bħala ġeru, kelb jiġi mħarreġ b’mod negattiv, ibbażat fuq biża’ u swat, dan jibda jassoċja l-bniedem ma’ fonti ta’ biża u periklu, u għaldaqstant isir vjolenti lejh,” qal Pace, li bħala trainer tal-klieb, huwa favur il-metodi ta’ taħriġ u infurzar pożittiv.
“Il-klieb kollha jeħtieġu taħriġ ta’ soċjalizzazzjoni u abitwazzjoni fl-ewwel tmien ġimgħat ta’ ħajjithom. Dan ifisser li l-ewwel taħriġ għandu jsir mill-‘breeder’ qabel il-kelb ikun kbir biżżejjed biex jitlaq minn m’ommu u ħutu,” spjega Pace li kompla jgħid li din tkun l-ewwel problema, fejn ġriewi jibdew ħajja ma’ sidien ġodda diġà effetwati minn biżgħat u nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni.

Hawnhekk, skont Pace, tidħol id-differenza bejn razza u oħra, għax kull razza għandha dispożizzjoni ġenetika differenti mill-oħra li ttihom il-karatteristiċi partikolari tipiċi ta’ kull razza. “Hawn klieb predisposti għall-kumpanija, oħrajn għall-għassa u oħrajn għal tip differenti ta’ kaċċa,” kompla jfiehem Pace.
Fil-każ partikolari tal-Mastiff Arġentini, dawn ġew maħluqin għall-kaċċa ta’ annimali kbar u b’saħħithom bħal ħniezer slavaġ u għaldaqstant huma mgħammra ġenetikament b’saħħa u istint ta’ kaċċa feroċi. “Minħabba dawn l-istinti daqshekk b’saħħithom, huwa aktar importanti li t-taħriġ ta’ dawn ir-razez jibda minn età żgħira,” qal Pace, “sabiex mill-ewwel ġimgħat ta’ ħajja, dawn jidraw li adulti, tfal, klieb oħra u annimali iżgħar minnhom mhumiex kaċċa. Aktar mal-klieb ikollhom interazzjoni amikevoli ma’ nies, tfal ta’ età żgħira u annimali oħra, titneħħielhom l-imġiba predatorjali, u b’hekk ma jkunux vjolenti.”

Peress li huma fiżikament aktar attivi, ċertu razez ta’ klieb kbar u b’saħħithom bħal Mastiffs, Pitbulls u Rotweillers fost oħrajn, għandhom bżonn ta’ aktar eżerċizzju fiżiku u soċjalizzazzjoni sabiex jitnaqqas l-istress u l-frustrazzjoni li tista’ twassal għal imġiba agressiva.




