In-negozjanti ta’ Marsaskala favur żvilupp fuq is-sit tal-Jerma…
iżda r-residenti jippreferu l-art terġa’ ssir spazju pubbliku miftuħ skont il-Kunsillier Nazzjonalista Charlot Cassar
minn Ruben Anthony Xuereb
Il-Kunsillier ta’ Marsaskala, Charlot Cassar ressaq mozzjoni li tissuġġerixxi li l-art fejn bħalissa tinsab l-eks lukanda Jerma, għandha tinxtara mill-Gvern f’Ottubru li ġej, meta mistenni l-bejgħ ta’ din l-art, sabiex tingħata lura lil-lokalità ta’ Marsaskala u tinbidel fi spazju pubbliku miftuħ. Is-sindku ta’ Marsaskala stess, flimkien ma’ numru ta’ negozjanti minn Marsaskala jemmnu li sabiex it-turiżmu u n-negozju jerġa’ jifjorixxi f’Marsaskala, m’hemmx għażla ħlief li terġa’ tinbena lukanda. Cassar u r-residenti Skalin li tkellem magħhom hu, jaħsbuha mod ieħor.
‘In-negozju jmur għall-aħjar…’
L-ILLUM tkellmet ma’ numru ta’ sidien ta’ bars u ristoranti max-xatt ta’ Marsaskala u staqsiethom x’jaħsbu dwar il-proposta ta’ Cassar li flok il-Jerma, jerġa’ jkun hemm spazju miftuħ għall-pubbliku.
“Jekk terġa’ titla’ lukanda, in-negozju jmur għall-aħjar żgur,” stqarr ma’ din il-gazzetta sid ta’ bar li ilu miftuħ sa miż-żmien li l-Jerma kienet fl-aqwa tagħha fis-snin 80. “Lukanda iġġib in-nies, u n-nies jinżlu jgawdu x-xatt ta’ Marsaskala u jiġġeneraw negozju għalina.” L-istess sid tal-bar stqarr li l-proposta ta’ Cassar mhux realistika għax aħna ngħixu f’pajjiż iddettat mill-kummerċ u l-Gvern mhux se jonfoq l-€20 miljun li tiswa l-art tal-Jerma, sempliċiment biex itiha lill-poplu…
‘Kulħadd jista’ joħroġ rebbieħ…’
Vince Zahra, sid ta’ bar ieħor max-xatt, ukoll qal li jemmen li għanda titla’ lukanda, għax din tiġġenera xogħol għal kulħadd, bħalma kienet tiġġenera l-Jerma stess meta kienet miftuħa. Zahra spjega lil din il-gazzetta li f’din is-sitwazzjoni, kulħadd jista’ joħroġ rebbieħ jekk il-Gvern ma jarax biss l-aspett ekonomiku, iżda jħares ukoll lejn il-ġid tal-lokal u tar-residenti. Huwa sostna dan billi qal li “l-post fejn kien hemm il-Jerma, ma jidhirx ikrah jekk fuqu terġa’ titla’ lukanda sabiħa…sakemm din tinbena b’mod li jirrispetta l-madwar.”
Zahra saħaq li l-ballun huwa f’saqajn il-Gvern li jimponi fuq min jixtri l-art li jekk terġa’ tinbena lukanda, ma tkunx ta’ għoli esaġerat jew ta’ xi għamla jew kulur li jistona mas-sbuħija tax-xatt. “Jekk vera jrid juri li jaħseb għar-residenti wkoll, min jibni l-lukanda għandu jkun marbut li jirranġa żona pubblika u ma jillimitax l-aċċess għall-baħar” temm jgħid Zahra.
Xieraq li jkun hawn lukanda fin-naħa t’isfel
Stefano Cesarea, Taljan li jgħix Marsaskala stess u sid ta’ kafetterija, innota b’dispjaċir kemm in-naħa t’isfel ta’ Malta, speċjalment post b’potenzjal bħalma hu Marsaskala, għandu nuqqas qawwi ta’ żvilupp turistiku, allura jemmen li jkun xieraq li tinbena lukanda sabiex it-turisti jkollhom għażliet differenti minn San Ġiljan u San Pawl il-Baħar. Cesarea qal ukoll li jemmen li l-Gvern Malti għandu jkun għaqli u jinvesti sew biex jiġbed lit-turist lejn in-naħa t’isfel. Huwa kkummenta li bħala persuna mhux Maltija, ma jkunx qiegħed ideffes politika fin-nofs jekk jgħid li l-iżvilupp tal-AUM fiż-Żonqor mhux se ġġib ebda turiżmu u lanqas negozju, iżda se tkun biss ta’ detriment għal-lokalità, minħabba li se jitlef żona sabiħa li kellha tiġi żviluppata biex tiġbed lit-turisti, minflok issir dormitorju ta’ Università barranija.
Għaldaqstant, sostna t-Taljan, il-Gvern għandu ‘dejn’ ma’ Marsaskala li għandu jsarraf f’investiment ‘reali’.
‘Minkejja li din proposta sabiħa għar-residenti, mhix prattika…’
L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ aġent tal-propjetà li huwa wkoll residenti Marsaskala stess. Huwa stqarr li bħala resident, fil-fond ta’ qalbu, jixtieq li ż-żona tinbidel f’park pubbliku, b’aċċess komdu u nadif għall-baħar…iżda “minkejja li din hija proposta sabiħa għar-residenti, mhix prattika…” Bħala aġent tal-propjetà, huwa saħaq li wisq probabbli skont il-kuntratt oriġinali, l-art ma tistax taħrab mir-rabta li fuqha trid bilfors tinbena lukanda oħra. “Jekk jinbena kumpless ta’ lukanda u appartamenti, kull tip ta’ negozju jiżdied, mhux biss dak tal-bejgħ ta’ propjetà”
‘It-turiżmu mhux b’lukanda biss iġġibu’
F’kuntatt li din-gazzetta għamlet ma’ Charlot Cassar stess, huwa spjega li filwaqt li jista’ jifhem li sidien ta’ negozji se jħarsu l-ewwel lejn il-kummerċ, bħala kunsillier huwa jħares aktar lejn ir-rieda ta’ madwar 12,000 resident li hemm fil-lokalità, li skont hu, il-maġġoranza tagħhom jippreferu li jerġgħu jaraw il-kosta ta’ Marsaskala ħielsa minn kull tip ta’ bini u mibdula fi spazju pubbliku li jitgawda minn kulħadd.
Cassar spjega kif m’hemmx bżonn tinbena lukanda biex tattira t-turiżmu lejn Marsaskala. Huwa saħaq li bħalissa, il-Gvern għandu opportunità unika u ta’ darba biex jixtri l-art hu u jroddha lura lill-poplu u flok iħares biss lejn l-aspett finanzjarju, minflok jinvesti fil-poplu u fil-lokalità.
Cassar jemmen li “jekk tinbena lukanda jew appartamenti, il-poplu ta’ Marsaskala mhu se jgawdi xejn, anzi se jiżdiedulu l-problemi diġà kbar, tat-traffiku u l-parkeġġ u inkonvenjenti kbar tul iż-żmien tal-kostruzzjoni.
“Marsaskala għandha bżonn żvilupp sostenibbli li jħares l-ambjent u l-interessi tar-residenti filwaqt li jiġbed turiżmu ġdid ta’ benefiċċju għal-lokal,” stqarr Cassar.
“Iktar minn hekk,” temm jgħid Cassar, “il-poplu jerġa’ jibda jgawdi b’xejn il-ġmiel naturali li toffri din iż-żona, ġmiel li ilu mċaħħad minnu għal snin twal.”