‘Krejtilhom dari u ġennewni’

Numru ta’ sidien ta’ proprjetà qed jaffaċċjaw inkwilini li ma jħallsux jew li jdaħħlu ‘armata’ nies jgħixu magħhom

Waħda mill-akbar sfidi li qed jaffaċċjaw sidien ta’ proprjetà li qed tinkera bħalissa huwa l-mod kif in-numru ta’ kerrejja jimmultiplika, mingħajr l-għarfien jew mingħajr il-kunsens tagħhom. F’suq tal-kirjiet li huwa nieqes mir-regolarizzazzjoni meħtieġa, ħafna sidien qed jispiċċaw jaffaċċjaw sitwazzjoni fejn fil-kuntratt, jiffirmaw biex jikru l-proprjetà tagħhom lil koppja u ftit wara li jkun iffirmat il-kuntratt jidħlu jgħixu fiha erba’ jew anke ħamsa minn nies. 

Apparti dan, skont informazzjoni mogħtija lill-ILLUM minn żewġ aġenziji tal-proprjetà,  numru konsiderevoli ta’ sidien qed jispiċċaw mingħajr triq għal kumpens hekk kif xi kuntratti ta’ kirjiet qed jaqgħu ħafna qabel iż-żmien stipulat, bl-inkwilini jitilqu mill-proprjetà mingħajr ma jinfurmaw lil ħadd.

Paula Zammit, proprjetarja ta’ blokka appartamenti f’San Pawl il-Baħar, titkellem dwar problema li għadha kif għaddiet minnha hekk kif  ir-raġel Taljan li kien qed jikri l-penthouse tagħha għal €1,100 fix-xahar ma ħallasx il-kera.

‘Krejtu lil żewġ ġuvintur Taljani bi prezz ta’ €1,100 fix-xahar. Aċċettaw dak il-prezz, daħlu f’kuntratt u għamlu l-ewwel tliet xhur ma ħallsunix. Fil-vera sens tal-kelma ġennewni.’ Zammit kompliet tispjega kif biex tiġbor l-ewwel €3,300 kellha ddaħħal l-aġenzija li kritilha u lill-avukati. ‘Taf minn xiex kellna ngħaddu?’ staqsiet din il-mara mal-ILLUM, ‘battalja sħiħa biex jiena nerġa’ nipprova nieħu dari lura għax ħaddieħor, mhux jien, m’onorax il-kuntratt. Sakemm fl-aħħar qata’ qalbu u telaq minn jeddu.’

Qarrejja  oħra tal-ILLUM, li flimkien ma’ familtha hija proprjetarja ta’ appartamenti fil-Pietà, Birkirkara u l-Mellieħa u li xtaqet tibqa’ anonima sostniet li l-kirjiet għoljin ma jimpressjonawhiex. 'Ma jimpressjonawnix kirjiet li jlaħħqu l-€1,000 u ħafna iktar għax fil-verità, ħafna drabi qed jidħlu jgħixu erba’ jew ħamsa min-nies, anke jekk inkunu krejna lil tnejn.’

L-Avukat Kurt Xerri jfakkar li jeżistu rimedji legali għal sidien  ‘migdumin’
L-Avukat Kurt Xerri jfakkar li jeżistu rimedji legali għal sidien ‘migdumin’

L-ILLUM tkellmet ma’ żewġ rappreżentanti ta’ żewġ aġenziji differenti, Doors Real Estate u Zanzi Homes. Lil dawn, l-ILLUM staqsiethom x’inhuma l-aktar problemi komuni li qed jiffaċċjaw sidien ta’ proprjetà mikrija. L-ILLUM imbagħad tkellmet mal-Avukat, riċerkatur fil-qasam tal-housing u opinjonista regolari fuq l-ILLUM dwar il-kwistjoni tal-kera, Kurt Xerri. Staqsejna lil Xerri xi tgħid il-liġi dwar kull waħda mill-problemi li jistgħu jaffaċċjaw is-sidien

Tikri lil tnejn... jidħlulek sitta

Waħda mill-aktar problemi komuni hija dik ta’ proprjetà mikrija għal numru ta’ inkwilini, u li imbagħad jispiċċaw jgħixu fiha ħafna iktar nies. Iż-żewġ rappreżentanti tal-aġenziji jaqblu li din hija problematika ħafna bħalissa, l-aktar minħabba li fir-realtà, ħafna minn dawk li qed jikru, ikollhom jagħmlu ‘sub-letting’ jew idaħħlu nies oħrajn jgħixu magħhom biex ikunu jistgħu jħallsu.

L-Avukat Xerri jgħid li din hija realtà li qed tolqot l-aktar ħażin lil dawk li qed ifittxu li jikru u ġejjin minn pajjiżi Afrikani, bħal Eritrej u Somali. Xerri jisħaq li persuna li qed tikri tista’ ddaħħal nies jgħixu magħha u titlobhom ħlas, sakemm dan ma jkunx projbit minn qabel fil-kuntratt.

Jekk inti sid ta’ proprjetà, bil-liġi ma tistax tkeċċi lil xi ħadd jekk ikun qed jospita nies żejda fl-appartament. Tista’ biss tkeċċi, u b’mezzi legali, meta jkun hemm ksur tal-kuntratt tal-kiri.

Id-daqs jgħodd ħafna...

Id-daqs jgħodd ħafna jekk sid irid jieħu passi kontra inkwilini li qabdu u daħħlu nies oħrajn jgħixu magħhom u fejn m’hemmx stabbilit li dawn ma jistgħux jagħmlu hekk fil-kuntratt. Fil-fatt, jeżistu regoli tal-Awtorità tal-Ippjanar li jesiġu kemm jistgħu jgħixu persuni fi spazju partikolari.

Xerri jfakkar li jekk dan in-numru jinqabeż, l-Awtorità jkollha d-dritt tieħu azzjoni biex tevita l-fenomenu ta’ ffullar.

Ma ħallsux imma baqgħu fil-proprjetà

L-inkwilin m’għandu l-ebda dritt ma jħallasx, imma f’każ li ma jħallasx, is-sid m’għandu l-ebda dritt  jaqbad u jkeċċih. Din hija problema reali li ammont ta’ sidien jaffaċċjaw u li tista’ tgħaddihom minn martirju.

L-Avukat Scerri jgħid li l-liġi ta’ Malta fil-fatt, toffri rimedju spedit ħafna għal każi bħal dawn b’kwalunkwe sid ikollu l-faċilità li jiftaħ rikors il-Qorti li jinstema’ quddiem il-Bord li jirregola l-kera. Scerri jgħid li ħafna drabi, il-proċess ma jiħux fit-tul għalkemm jappella lill-Gvern biex jinvesti riżorsi fih, hekk kif ifakkar li f’Malta hawn madwar 30,000 inkwilin f’kirjiet.

Mal-ILLUM huwa jgħid ukoll li jekk kemm-il darba l-inkwilin ma jagħtix raġuni valida għan-nuqqas tal-ħlas min-naħa tiegħu, il-każ jaqa’ fl-ewwel seduta.

Id-depożitu...uġigħ ta’ ras

Problema oħra hija d-depożitu. Kemm minnu jingħata lura, jekk jingħata? Min se jħallas għall-ħsara? F’nuqqas ta’ obbligi legali, kollox jibqa’ f’limbu.

Sid jista’ ma jroddx lura d-depożitu u jakkuża lill-inkwilin li għamel ħsara fl-għamara jew xi affarijiet tad-dar, li jiswew daqs jew iktar mid-depożitu, anke jekk l-istess ħsara tkun saret qabel il-kirja. Inkwilin jista’ ma jħallasx għall-ħsara li jkun għamel hu u jgħid li sab il-ħsara qabel ma bdiet il-kirja.

Xerri jipproponi li jkun hemm obbligu legali li ssir lista ffirmata miż-żewġ naħat u ritratti annessi magħha li jservu ta’ xhieda għall-istat li kienet fiha l-proprjetà meta bdiet il-kirja.

More in Socjali