Heritage Malta se tiftaħ il-bibien tal-Forti Sant’ Anġlu għall-pubbliku nhar Jum il-Vitorja, fit-8 ta’ Settembru. B’differenza minn attivitajiet passati ta’ din ix-xorta, nhar il-Ħamis li ġej il-pubbliku se jkollu aċċess għall-parti ta’ fuq tal-forti li titmexxa mill-Ordni Militari Sovran ta’ Malta. Fil-fatt il-pubbliku se jkun jista’ jżur il-bitħa tal-Palazz Maġisterjali kif ukoll il-kappella ta’ Sant’Anna u l-madwar tagħha.
F’din l-okkażjoni, minbarra l-opportunitá li jitgawdew ix-xogħlijiet tar-restawr li għadhom kemm ġew varati, il-pubbliku se jkun jista’ jieħu sehem ukoll fid-diversi attivitajiet li se jiġu organizzati matul il-ġurnata.
L-attivitajiet jibdew nofs siegħa wara l-ftuħ tal-forti meta fid-9.30am issir quddiesa fil-Kappella tan-Nativitá u siegħa wara ssir ċerimonja ħdejn il-monument li jfakkar ir-rebħa fl-Assedju l-Kbir. F’nofsinhar issir quddiesa oħra, iżda din id-darba fil-kappella ddedikata lil Sant’Anna, li tinsab fil-parti ta’ fuq tal-forti. Biex il-pubbliku jkun mgħarraf aktar dwar il-forti u l-użu tagħha matul is-snin, Heritage Malta se torganizza żjarat bi gwida fil-11.00am u fit-3.00pm, bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Spjega oħra dwar l-użu ta’ dan il-forti se ssir permezz ta’ rappreżentazzjonijiet minn gruppi ta’ re-enactment.
Benefiċċju kbir li tgawdi minnu Forti Sant’Anġlu, dovut ukoll għall-pożizzjoni strateġika tagħha fil-ponta tal-Birgu, hija l-veduti mill-isbaħ tal-Port il-Kbir. Għalhekk din l-attivitá se sservi wkoll ta’ opportunitá biex il-pubbliku jsegwi t-tiġrijiet tradizzjonali tar-Regatta tal-Vitorja li jsiru fl-istess port wara nofsinhar.
Id-dħul se jkun għall-prezz ta’ €2 biss, bil-ħinijiet tal-ftuħ ikunu bejn id-9.00 am u s-6.30 pm, bl-aħħar dħul isir fis-6.00 pm.
Iktar tagħrif dwar din l-attivitá fil-Forti Sant’Anġlu u avvenimenti oħrajn organizzati minn Heritage Malta jista’ jinkiseb mill-website uffiċjali tal-aġenzija, www.heritagemalta.org, jew minn fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook.