Żewġ Spanjuletti jingħataw il-libertà f'Kemmuna

wara li wieħed sofra minn ġrieħi kkawżati minn tiri u l-oħra kienet miżmuma illegalment

L-Ispanjuletti meħlusin f'Kemmuna
L-Ispanjuletti meħlusin f'Kemmuna

BirdLife Malta tħabbar b’sodisfazzjon li wara ġimgħat ta’ riabilitazzjoni, fl-aħħar jiem żewġ Spanjuletti (Common Kestrel) – raġel u mara – inħelsu f’Kemmuna.
L-Ispanjulett raġel, li ngħata l-isem ‘Baal’ wara wieħed mill-Allat tal-Feniċi, instab fiż-Żejtun f’Lulju b’feriti kkawżati minn tir ta’ senter li rriżultaw f’ġewnaħ miksur. Wara li l-veterinarji tagħna eżaminawh u studjaw kif il-ferita setgħet tfiq, kien deċiż li jsir tentattiv biex l-għasfur jiġi riabilitat. Li Baal jinżamm għal ftit żmien taħt osservazzjoni kien neċessarju biex jingħata l-ikel u jiġi mħares sakemm ikun jista’ jerġa’ jtir imma l-Ispanjulett malajr reġa’ beda jiekol waħdu u jagħmel użu mill-passiġġiera li tpoġġietlu apposta fil-post fejn kien qed jinżamm.
L-Ispanjulett mara, li kienet ferħ, ingħatat l-isem ‘Tanit’ – ukoll wara waħda mill-Allat ta’ żmien il-Feniċi – u nġabret minn Ħal Qormi fit-8 ta’ Awwissu b’sinjali li kienu juru ċar li kienet maqbuda u miżmuma illegalment. Għalkemm meta nstabet ma setgħetx ittir, irkuprat malajr u wara xahar ta’ riabilitazzjoni kienet lesta biex tinħeles.
Fiż-żewġ każi, l-għasafar ġew mgħoddija f’idejn BirdLife Malta wara li l-veterinarji ddikjaraw li għalkemm sofrew feriti, setgħu jiġu riabilitati fi ftit ġimgħat. L-istess veterinarji kienu l-ħin kollu f’kuntatt ma’ BirdLife Malta biex jaċċertaw irwieħhom dwar il-progress tal-Ispanjuletti. Min-naħa tagħna żgurajna li l-kuntatt uman mal-għasafar ikun mill-inqas possibbli ħalli ma jidrawx lin-nies...anke jekk ma tantx kien hemm bżonn ta’ xi sforz kbir minħabba li l-Ispanjuletti xorta waħda xejn ma ħadu grazzja magħna, li minnu nnifsu hu fatt pożittiv!
Qabel ġew rilaxxati, sew Baal kif ukoll Tanit twaħħlulhom ċrieket mir-ringers kwalifikati Roger u Helen Short tal-Comino Birds Observatory li bħalissa għaddejjin b’attività ġmielha hekk kif qed taqbad sew il-passa tal-ħarifa.
L-Ispanjulett (Falco tinnunculus) huwa tajra tal-priża żgħira li tifforma parti mill-familja tal-falkuni u jintgħaraf l-aktar mill-mod kif jittajjar u jikkaċċja l-priża tiegħu. Normalment tarah jittajjar għall-ikel fuq l-għelieqi u għandu vista tajba ħafna tant li kapaċi jidentifika l-priża minn distanza sa 20 metru ’l fuq mill-art. Huma speċi ta’ għasafar li tipikament tbejjet fi xquq fondi f’irdumijiet u sisien, imma wkoll f’siġar u saħansitra f’bini. Filwaqt li ħafna Spanjuletti huma residenti fejn ibejtu, dawk li jbejtu f’kundizzjonijiet klimatiċi aktar friski fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa ġeneralment ifittxu temperaturi aktar sħan fix-xitwa u faċilment jiġu osservati jpassu minn fuq Malta fir-rebbiegħa u fil-ħarifa.

Minħabba l-perjodu tas-sena li fih instabu dawn iż-żewġ Spanjuletti partikolari, x’aktarx li Baal kien għadu kif bejjet f’Malta meta sparaw fuqu, waqt li hu daqstant ieħor probabbli li Tanit faqqset f’Malta tul l-aħħar staġun tal-bejta. Iż-żewġ għasafar ġew irkuprati u mgħoddija f’idejn BirdLife Malta minn membri tal-pubbliku u ma setgħux itiru minħabba l-ġrieħi li sofrew imma rkupraw saħħithom malajr u issa ngħataw it-tieni ċans biex jgħixu fis-selvaġġ.
BirdLife Malta hi konxja ta’ mill-inqas żewġ każi ta’ Spanjuletti li din is-sena bejtu fil-Gżejjer Maltin, u tittama li jkollna aktar suċċessi bħal dawn is-sena d-dieħla.
F’kummenti dwar ir-riabilitazzjoni u l-ħelsien ta’ dawn l-għasafar, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana faħħar il-ħidma siewja tat-tim dedikat ta’ impjegati u voluntieri ta’ BirdLife Malta. “Filwaqt li nittamaw li n-numru ta’ għasafar maqtula illegalment ikompli jonqos, aħna nibqgħu dejjem disposti li naqsmu l-esperjenza, l-għerf u r-riżorsi tagħna għall-benefiċċju tal-għasafar u n-natura f’Malta. Biex tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha fost l-oħrajn fil-qasam tal-kura ta’ għasafar feruti, BirdLife Malta tinħtieġ appoġġ u finanzjament kontinwu.

More in Socjali