Filmat maħruġ mid-direttorat għat-tindif juri l-ħidma sfiqa tal-ħaddiema tal-istess direttorat li fis-sigħat bikrin ta' filgħodu jibdew bil-ħidma sabiex ineħħu l-ħmieġ u skart mormi fit-toroq ta' Paceville tul il-lejl. Dan sabiex fi ftit ħin, it-triq terġa' tiġi lura għan-normal biex tilqa' l-bosta persuni fosthom turisti li jżuru din iż-żona.
Intant, il-kumpanija GreenPak ħabbret li se tkun qed tibda toffri servizz b'xejn ta' ġbir ta' fliexken tal-ħġieġ vojta minn bars u ristoranti fil-Gżira, Tas-Sliema u San Ġiljan. Is-servizz se jkun qed jiġi offrut ta' kuljumu se jibda jsir fuq bażi ta' prova sat-2 ta’ Ottubru.
Is-servizz, disponibbli għall-bars u ristoranti matul il-Front, jibda bejn Manoel Island, jgħaddi minn The Strand, Qui-Si-Sana, Triq it-Torri, il-bajja tal-Balluta, u jibqa’ sejjer sat-telgħa ta’ Spinola.
GreenPak issieħbet mal-Kunsilli Lokali tal-Gżira, tas-Sliema, u San Ġiljan, flimkien mad-Dipartiment tas-Servizzi Tindif, biex tmexxi dan il-proġett pilota.
Fl-ewwel tliet ġimgħat inġabru aktar minn 20,000 flixkun vojt tal-ħġieġ permezz ta' dan is-servizz speċjali. "Fix-xhur tas-sajf, il-konsum ta' xorb fil-bars u ristoranti jkun fl-ogħla tiegħu," qal il-Kap Ezekuttiv ta’ GreenPak, Ing. Mario Schembri. "Kienet sfida interessanti għalina li, għal dan il-proġett pilota, iffukajna fuq promenade mill-aktar prominenti f’Malta. Dan għaliex il-loġistika kellha tkun ibbilanċjata bl-aktar mod korrett. Qed immexxu dan is-servizz ta’ kuljum mingħajr ma naggravaw il-qagħda tat-traffiku f’dawn it-toroq, bl-inqas inkonvenjent possibbli għall-pubbliku, u bl-inqas effett fuq in-negozju għal dawn l-istabbilimenti. Dawn l- aspetti kollha kienu elementi importanti li qed nieħdu in kunsiderazzjoni waqt dan il-proġett pilota.
Is-servizz, li hu b'xejn, qed ikun ta’ kuljum u jsir fis-1am (ta’ filgħodu), inklużi l-Ħdud.