Ir-residenti tal-Belt Valletta kienu l-inqas kuntenti mir-residenti ta' bliet kapitali oħrajn fl-Ewropa kollha meta mistoqsija dwar il-faċilitajiet kulturali li wieħed isib fil-belt.
Minkejja li l-Belt Valletta se tkun il-kapitali Ewropea tal-kultura fl-2018, minn stħarriġ tal-Eurostat jirriżulta li r-residenti Beltin huma l-inqas kuntenti bil-faċilitajiet bħal swali għall-kunċerti, teatri, mużewijiet u libreriji, minn fost l-ibliet kapitali tal-UE kollha.
Meta mistoqsija, 'B'mod ġenerali, int sodisfatt, pjuttost sodisfatt, pjuttost mhux sodisfatt jew mhux sodisfatt bil-faċilitajiet kulturali fil-belt tiegħek?' kienu biss 34% li wieġbu li huma sodisfatti. Dan jikkuntrasta bil-kbir mat-tweġibiet mill-ibliet l-oħra hekk kif l-ogħla belt kienet Vjenna b'97% tar-residenti jkunu sodisfatti.
Fil-fatt, il-Belt Valletta kienet l-unika belt kapitali li kienu iktar minn nofs dawk li wieġbu li tkellmu fin-negattiv, u fit-tieni post kien hemm Nicosia b'58% u Lisbona b'59%, li jikkuntrasta bi kbir mar-riżultat ta' Malta.
Wara Vjenna, l-iktar bliet sodisfatti kienu Helsinki, Praga u Stokkolma.