'Jekk tgħalqu l-aċċess, nerġgħu niftħuh…'

Attivisti tal-Kamp Emerġenza Ambjent fetħu l-aċċess għal Manoel Island u jsostnu li jekk il-MIDI tagħlqu, jerġgħu jiftħuħ.

Attivisti mil-Kamp emerġenza Ambjent se jqattgħu il-lejl fuq Manoel Island biex jiżguraw li l-aċċess jibqa' miftuh
Attivisti mil-Kamp emerġenza Ambjent se jqattgħu il-lejl fuq Manoel Island biex jiżguraw li l-aċċess jibqa' miftuh

Aktar kmieni llum, attivisti involuti fil-Kamp Emerġenza Ambjent fetħu l-aċċess għal Manoel Island u se jkunu qegħdin jikkampjaw hemmhekk s’għada, quddiem il-fortizza Manoel, sabiex jiżguraw li l-aċċess jibqa’ miftuħ.

Illum.com.mt tkellem ma’ Andre Callus, mill-moviment Graffiti li qal li l-iskop ta’ din l-azzjoni huwa li jinfetaħ l-aċċess għall-kosta madwar Manoel Island, li ġie magħluq mill-MIDI 16-il sena ilu.

L-Attivisti qegħdin isostnu li jekk il-MIDI jerġgħu jagħlqu l-aċċess, din l-azzjoni se titrrepeti ruħha, għaliex Manoel Island għandħa titgawda mill-pubbliku, li llum huwa mistieden iżur il-gżira.

Ċittadini urtati b’din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas t’aċċess ipparteċipaw f’din l-azzjoni b’appoġġ mill-Moviment Graffitti, Żminijietna, Friends of the Earth – Malta, Flimkien għal Ambjent Aħajr, u Ramblers Association Malta, bis-sapport tas-Sindku u l-Kunsill Lokali tal-Gżira.

Fi stqarrija tal- Kamp Emerġenza Ambjent intqal li “Qabel mal-gvern ta l-Manoel Island bħala konċessjoni lill-MIDI, in-nies setgħu jidħlu mingħajr xkiel u ħafna għandhom memorji assoċjati ma' dan il-post; post li joffri spazju miftuħ f’żona b’ħafna bini u konġestjoni. Huwa tal-mistħija li l-MIDI tħalla jagħlaq l-aċċess għall-kosta u li qed juża l-Manoel Island, inkluża l-fortizza storika tiegħu, esklussivament għal attivitjiet privati bi ħlas”

Din l-azzjoni qed issir fid-dawl li l-MIDI ma jistgħux jagħlqu dan l-aċċess ghaliex kif inhu mniżżel fil-konċessjoni li ngħatat lilhom mill-gvern, huma m’għandhom l-ebda dritt li jagħlqu l-aċċess għal Manoel Island.

L-Att dwar id-Demanju Pubbliku jistipula wkoll li l-kosta għandha tiġi awtomatikament ikkunsidrata bħala demanju pubbliku u għalhekk l-aċċess għaliha ma jistax jiġi mċaħħad.

“Għaldaqstant Manoel Island għandha tingħata lura lill-poplu u li għandha ssir spazju rikreattiv li jitgawda minn kulħadd”

More in Socjali