23 sena titkarrab u titallab għand tal-Housing
Kienet taħdem għal €4.50 kull siegħa tnaddaf ir-remettar u ħmieġ li jħallu n-nies
More in Socjali
Kienet taħdem għal €4.50 kull siegħa tnaddaf ir-remettar u ħmieġ li jħallu n-nies
Min jistenna jithenna jgħidu, imma fil-każ ta’ Doreen*, dan verament mhux il-każ. Din il-mara, omm ta’ tifla li llum bdiet ħajja għaliha, ilha titkarrab xejn inqas minn 23 sena sħaħ biex wara snin ta’ żwieġ abbużiv, tingħata saqaf fuq rasha mingħajr ma jkollha tgħix taħt il-mannara ta’ kera’, li kif ġara din is-sena, żdiditilha b’€40 kull xahar.
L-ILLUM għandha f’idejha numru ta’ dokumenti li jmorru lura sal-1993 u li juru li minn dak iż-żmien, sa Novembru tas-sena l-oħra stess, din il-mara ilha titkarrab għal ftit ġustizzja u saqaf fuq rasha, wara li għaddiet minn trawma li saħansitra ħallietha tbati minn dipressjoni kronika.
Il-Ministru Josè Herrera u l-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami, it-tnejn fil-kapaċità tagħhom ta’ avukati kienu infurmaw lill-housing bis-sitwazzjoni gravi ta’ din il-mara lura fl-1993 u l-2003 rispettivament. Ma’ dawn ingħaqdu l-YMCA, permezz ta’ social worker fl-2003 u konsulent psikjatriku fl-2015. Dawn kollha appellaw lill-Housing biex joffru akkomodazzjoni alternattiva lil Doreen. Iżda 23 sena wara, din il-mara msallba kienet, u hekk baqgħet.
Kienet tnaddaf għal €4.50 fis-siegħa...
Hi tirrakonta kif fl-aħħar impjieg li kienet fih, kienet taħdem ħames siegħat kull xift għal paga ta’ €4.50 fis-siegħa, ‘bla leave, bla drittijiet ta’xejn, kienu jiġu għalija bil-vann tax-xogħol fl-4:30 am, naslu fir-ristorant u nintefgħu nnaddfu r-remettar u l-ħmieġ tan-nies. Għal €4.50 kull siegħa. Kont nipprova nġebbed kemm nista’ biex forsi jkolli €20 ta’ ġurnata xogħol.”
Dan ma tgħidux biss Doreen imma jixduh ukoll ittra li ntbagħtet lill-Awtorità tad-Djar f’Novembru 2015 u li kienet tgħid hekk: ‘Doreen tirreġistra għax-xogħol illum u tgħin lilha nnifisha billi tattendi korsijiet. F’ħajjitha sabet impjiegi fit-tindif biex tkun tista’ ssostni xi forma ta’ dħul. Imma dawn ix-xogħlijiet kienu neqsin minn kundizzjonijiet umanitarji u kienu mħallsin ftit...mhux ta’ b’xejn li wara li tħallas il-kera, tispiċċa ma jkollha xejn għal taħt rasha.”
“Doreen tixtieq u tixxennaq għall-indipendenza u l-istabbiltà f’ħajjitha. Imma qed titlef it-tama. Tinsab psikoloġikament imkissra fil-ġlieda tagħha li tipprova tlaħħaq mal-ħajja, jum wara jum. Huwa ċar li din il-mara qed issibha ferm diffiċli biex tkampa ma’ din is-sitwazzjoni. In vista ta’ dan, nittamaw li d-Dipartiment ikun jista’ jħares lejn dan il-każ minn lenti umanitarja b’aktar kunsiderazzjoni u prijorità għall-housing soċjali.”
Dan kien il-kliem li s-social worker u l-Konsulent Psikjatriku użaw biex jagħlqu l-ittra tagħhom lill-Awtorità tal-Housing. Għaxar xhur wara din l-ittra, 13-il sena wara l-ittri mill-YMCA u minn Beppe Fenech Adami u 23 sena wara l-ittra minn Josè Herrera, Doreen għadha qed tistenna.