Tibda l-iskola...spiża ta' €275 għal kull wild
Uniformi: €187.65...Stationery: €87.09
minn Veronica Lynn Mizzi
Hekk kif jibda x-xahar ta’ Settembru, jibda l-ġenn tal-qadi, ġiri u xiri għall-ġenituri li wliedhom se jkunu qed jerġgħu jidħlu l-iskola fit-tmiem ta’ dan ix-xahar. Għal uħud mill-ġenituri, din taf tkun mhux spiża faċli hekk kif bosta huma dawk il-familji li jkollhom iktar minn wild wieħed, u allura, somma ta’ dan it-tip tkun trid tiġi duplikata.
Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM għamlet eżerċizzju fejn ikkalkulat is-somma totali li l-ġenituri jkollhom iħallsu fil-bidu tas-sena skolastika ta’ wliedhom, ġaladarba dawn jattendu skola tal-gvern, għaliex kieku mhux hekk, l-ispiża finali tkun ferm ikbar. Is-somma totali li tinkludi spejjeż ta’ uniformijiet, basket, stationery u fotokopji, hija biss somma tal-bidu tas-sena, u ma tinkludix spejjeż oħra li kapaċi jinqalgħu mal-bqija tas-sena bħal ħarġiet, avvenimenti fl-iskola bħal xi hot dog day, iktar fotokopji, stationery oħra u partijiet mill-uniformi li jeħtieġ li jinbidlu bħal qomos jew forsi qliezet li t-tfal jistgħu joħorġu minnhom jew jitqattgħulhom.
Dan l-eżerċizzju jqis student wieħed ta’ skola primarja tal-Gvern, jiġifieri li l-kotba huma provduti mill-istat, flimkien ma’ trasport b’xejn jekk id-dar tal-istudent tkun iktar minn kilometru bogħod mill-iskola, privatijiet u fuq kollox, mingħajr ħlas ta’ miżati jew donazzjonijiet li għal kuntrarju, jkollhom iħallsu skejjel indipendenti, privati jew tal-knisja.
F’eżerċizzju bħal dan, wieħed jara l-ispiża ta’ wild wieħed, u allura din trid tkun immultiplikata f’każ li familja jkollha iktar minn wild wieħed. L-ispiża totali tammonta għal €274.74 li jinqasmu f’€187.65 għall-uniformijiet u €87.09 għal prodotti ta’ stationery bażiċi. L-ammonti ta’ €187.65 għall-uniformi hija bbażata fuq prezzijiet mgħotija lil din il-gazzetta minn ħanut f’San Ġwann li huwa distributur ewlieni tal-uniformijiet u tinkludi ħaġa waħda mill-affarijiet kollha bażiċi u obbligatorji, bħat-track suit, qliezet u xorzijiet tal-PE, u qmis u flokk wieħed żejjed u żarbun tal-isport u ieħor tal-uniformi li jbigħu l-istess ħanut. Ta’ min iżid jgħid li l-prezz taż-żarbun tal-uniformi huwa l-irħas għażla, minħabba li huwa ta’ ġilda sintetika, meta mqabbel mal-prezz ta’ żarbun b’ġilda vera (€26.95).
Min-naħa l-oħra, il-prezz tal-istationery huwa maħdum fuq lista vera ta’ għalliema tal-ħames sena fi skola primarja tal-gvern, u vverifikat ma’ diversi listi ta’ għalliema oħra, u jinkludi l-prezz tal-fotokopji ta’ matul is-sena li jinqasam f’€5 għal kull term, jiġifieri €15 fis-sena.
L-istess eżerċizzju lanqas ma jinkludi kotba oħra li mhumiex obbligatorji li jinxtraw, li iżda bosta għalliema jagħmlu użu minnhom għal iktar referenza u taħriġ addizzjonali. F’dan il-każ, it-tfal ikollhom jagħmlu fotokopji mill-ktieb, allura tkompli tiżdied in-nefqa, jew inkella jikkupjaw it-taħriġ li jkunu ngħataw, eżerċizzju wieħed wieħed.
Dawn il-figuri finali jallaċjaw tajjeb mal-figuri pjuttost konservattivi li kienu ħarġu mir-rapport tal-Caritas ippubblikat iktar kmieni din is-sena li jikkunsidraw l-ispiża skolastika ta’ familja b’żewġt itfal bħala €444.50 jew €222.25 għal kull wild. Waqt li dan l-eżerċizzju maħdum fuq studenti tal-primarja, l-istess rapport jikkwota l-prezz totali għal studenti tas-sekondarja bħala €212.05 għall-bniet, u €207.31 għall-uniformi tas-subien.
Uniformi
2 Polo Shirt (9.50) 19.00
2 Qomos (12.25) 24.50
Qalziet twil 14.75
Bermuda 11.75
Jersey 8.00
Ingravata 4.50
Żarbun ġilda sintetika 19.95
Ġakketta 25.50
Beritta 3.75
Tracksuit 23.50
PE T-Shirt 6.25
PE Shorts 6.25
Trainers abjad 19.95
TOTAL €187.65
Stationery
3 pocket files (0.50) 1.50
8 flat files (0.37) 2.96
9 pitazzi 64pg (0.35) 3.15
2 pitazzi 48pg (0.25) 0.50
1 pitazz ta l-kaxxi 0.35
7 cover tal-pitazzi (0.35) 2.45
2 pakketti labels (0.55) 1.10
1 student Notebook 1.14
2 brown Paper 1.65
2 plastik għall-kisi 2.10
1 pakkett kuluri 2.95
1 imqass 1.50
1 kolla 1.20
1 A4 refill paper 1.14
1 gomma 0.40
2 lapsijiet (0.50) 1.00
2 pinen (0.40) 0.80
1 temprina 1.00
1 riga 0.40
Fotokopji (€5 kull term) 15
Pakkett ta’ noti – Studji Soċjali 2.90
Pocket 8.99
Basket 44.99
TOTAL €87.09