Filmat | Insalvaw u nipproteġu
L-ILLUM tiltaqa' mal-eroj tat-taqsimiet li jifformaw id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
minn Ruben Anthony Xuereb
“Sierra 2, Sierra 2… rapport ta’ nar fit-tieni sular ta’ blokka flats fi Triq il-Kbira, ż-Żejtun kantuniera ’l bogħod mill-knisja. Possibbiltà ta’ nies maqbudin fis-sular. Toħroġ l-unità U.S.A.R ukoll…”
F’qasir żmien minn din is-sejħa, żewġ unitajiet tal-Protezzjoni Ċivili, waħda tat-tifi tan-nar u oħra tat-tfittxija u salvataġġ (USAR) joħorġu mill-istazzjon u jerħulha lejn il-post fejn hemm l-emerġenza biex jagħmlu xogħolhom…li jsalvaw il-ħajja tan-nies.
Din hija ġurnata ta’ xogħol normali għall-eroj tal-Protezzjoni Ċivili li xogħolhom huwa li jsalvaw u jipproteġu lin-nies fil-bżonn. Imma min huma l-uffiċjali tad-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?
L-ILLUM qattgħet nofstanhar fil-kumpanija tal-viċi direttur Emmanuel Psaila, li dawwar lill-ġurnalisti ta’ din il-gazzetta ma’ wħud mill-istazzjonijiet imqassmin ma’ Malta sabiex jagħti aktar informazzjoni dwar is-sezzjonijiet differenti tad-dipartiment u x-xogħlijiet differenti li dawn iwettqu.
Min jagħmel sejħa għall-għajnuna jrid jagħti informazzjoni dettaljata
“Meta tidħol sejħa għall-għajnuna fil-‘control room’, mgħoddija mill-Pulizija wara telefonata fuq il-112”, spjega Psaila, “l-uffiċjal inkarigat li jieħu t-telefonati jitlob lil min hemm fuq il-linja biex bil-kalma jagħti d-dettalji kollha dwar l-emerġenza, il-post eżatt fejn qiegħda sseħħ u kemm hemm nies involuti.”
Psaila spjega li dawn id-dettalji, inkluż il-wisa’ tat-triq u l-aċċessibiltà għall-post jgħinu biex l-iskwadra li tintbagħat għall-għajnuna tasal hemm fl-iqsar ħin possibbli u mingħajr ebda tfixkil. Skont il-każ, fil-‘control room’ jiġi deċiż x’tip ta’ trakk għandu joħrog, bin-numru ta’ nies neċessarji miegħu u mil-liema stazzjon, skont liema waħda tkun l-aktar viċin.
Psaila qal li f’każi ta’ emergenza jridu dejjem iżommu ma’ dik li jsejjħu l-‘golden hour’, is-siegħa tad-deheb, li minn xħin tidħol is-sejħa għall-għajnuna sakemm il-vittma jew vittmi jittieħdu l isptar, ma tgħaddix aktar minn siegħa.
5 stazzjonijiet, 4 sezzjonijiet, dipartiment wieħed
Qabel l-1996, id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien maqsum f’partijiet bejn il-Korp tal-Pulizija, l-Armata u d-Dipartiment tat-Tifi tan-Nar, sakemm fl-1996 ingħaqad bħala dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, minkejja li ma kienx hemm impjegati.
Fl-1998 l-affarjiet marru għall-aħjar hekk kif is-sezzjonijiet li ngħaqdu taħt kappa waħda bdew jiffunzjonaw bħala dipartiment, anke bl-għajnuna ta’ vetturi u apparat miġjuba mill-protokoll mal-Italja.
Illum, minbarra l-kwartieri ġenerali u l-‘control room’ f’Ta Kandja, il-Protezzjoni Ċivili għandha ħames stazzonijiet oħra; f’Għawdex, ix-Xemxija, l-Furjana, Kordin u Ħal Far.
Il-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, jaħdem bħala dipartiment wieħed b’operat sinkronizzat, iżda xorta mqassam f’sezzjonijiet differenti li jagħmlu xogħol speċifiku. Tajjeb li wieħed ikun jaf li meta fil-media jissemma d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, b’mod ġeneriku, qatt ma tingħata l-importanza li jissemmew it-taqsimiet partikolari li jkunu wettqu x-xogħol ta’ salvataġġ fuq baħar u art, tfittix ta’ persuni neqsin u tifi tan-nar.
F’kull waħda mill-istazzjonijiet madwar Malta u Għawdex, hemm vetturi għat-tifi tan-nar, b’numru ta’ uffiċjali jaħdmu bix-xift 24 siegħa kuljum, sabiex ikunu dejjem preparati jidħlu fl-azzjoni hekk kif tintalab l-għajnuna tagħhom. L-istazzjonijiet huma mqassmin madwar il-gzira, sabiex f’każ ta’ emerġenza, dejjem toħroġ l-iskwadra li tinsab l-eqreb taż-żona.
Minbarra t-tagħmir, vetturi u ħaddiema tat-tifi tan-nar, imqassmin fl-istazzjonijiet, hemm sezzjonijiet oħrajn, b’numru ta’ uffiċjali imħarrġa biex iwettqu xogħlijiet speċifiċi.
Għal emerġenzi fuq il-baħar, toħroġ is-sezzjoni marittima
Fl-istazzjon ta’ Kordin, tinsab is-sezzjoni Marittima, li tispeċjalizza fis-salvataġġi fuq il-baħar, kif ukoll fit-tifi ta’ nar fuq dgħajjes, vapuri, bini b’aċċess mill-baħar, kif ukoll it-tneħħija ta’ żjut jew kimici mill-baħar. Is-sezzjoni marittima tas-CPD tagħmel dan permezz tal-‘fire boat’ Garibaldi, li hi mgħammra b’dak kollu li wieħed isib fuq trakk tat-tifi tan-nar, kif ukoll b’apparatt li bih il-Garibaldi jista’ wkoll jirmonka bċejjeċ tal-baħar oħrajn li jkollhom bżonn l-assistenza biex jiddaħħlu lejn xi port.
Minbarra l-Garibaldi, li hija stazzjonata Kordin, l-istazzjonijiet tax-Xemxija u t’ Għawdex għandhom ukoll dinghy għall-użu ta’ salvataġġ fuq il-baħar.
Minbarra s-salvataġġ u t-tifi tan-nar fuq il-baħar, fl-istazzjon f’Kordin, l-uffiċjali huma speċifikament imħarrġa biex jindirizzaw emerġenzi relatati ma’ tixrid ta’ kimika, jew emmissjonijiet ta’ gass. L-unità msemmija ‘Hazmat’ (Hazardous Material) hija mgħammra b’vetturi speċjali li mad-daqqa t’għajn jixbħu dawk għat-tifi tan-nar, iżda li jintużaw għat-tneħħija u tindif ta’ tixrid ta’ sustanzi kimiċi kontaminanti. Jekk f’inċident relatat ma’ xi kimika, jkun hemm xi vittmi involuti, is-sezzjoni tal-Hazmat tieħu ħsieb li qabel jittieħdu l-isptar, il-vittmi jiġu dekontaminati permezz ta’ doxxa speċjali li l-unità ġġorr magħha fuq il-post tal-inċident.
It-taqsima Hazmat tieħu ħsieb ukoll l-evakwazzjoni ta’ binjiet li fihom jiġi rrappurtat xi rwejjaħ ta’ gassijiet, sakemm huma jagħmlu l-investigazzjonijiet neċessarji sabiex jitwaqqaf is-sors li minnha ħiereġ il-ġass.
Ifittxu, jsibu u jsalvaw
Ibbażati fl-istazzjon ta’ Ħal Far, taqsima oħra tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hija insejjħa USAR, (Urban Search And Rescue). L-uffiċjali li jagħmlu parti minn din it-taqsima bħalissa huma l-ewwel grupp ‘full-time’ li qatt kien hawn Malta, għax qabel din it-taqsima kienet ifformata minn volontarji biss.
Il-membri tal-USAR jieħdu taħrig fuq kollox daqs l-uffiċjali l-oħra inkarigati mit-tifi tan-nar, iżda mbagħad, jispeċjalizzaw f’salvataġġ minn bini għoli, aċċess permezz ta’ ħbula u salvataġġi minn postijiet dojoq, mhux aċċessibbli jew minn qalb it-tifrik ta’ bini mwaqqa’.
F’kazi ta tiftix ta’ persuni mitlufin jew inkella meta jkun hemm vittmi mirdumin taħt xi bini mwaqqa’, mal-USAR, toħrog it-taqsima tal-klieb, li bħala bażi jinsabu f’Ta’ Kandja. Il-klieb jintużaw f’każi ta’ persuni neqsin, fejn bihom tingħata għajnuna lill-pulizija sabiex il-klieb ixommu xi oġġett tal-persuna nieqsa, (normalment żarbun) sabiex huma jittieħdu fuq il-post tat-tfittxija u permezz tar-riħa, il-klieb ifittxu l-persuna nieqsa.
Tip ta’ xogħol ieħor li jagħmlu l-klieb tas-CPD huwa t-tfittxija għal persuni midfuna taħt radam jew f’xi postijiet perokolużi fejn il-vittma tista’ tkun mgħottija jew moħbija b’xi ħaġa.
Id-Dipartiment jinvesti fil-futur tiegħu
Id-dipartiment dejjem jaħdem u jinvesti biex tiżdied l-effiċjenza tiegħu permezz ta’ apparat u vetturi ġodda, filwaqt li l-uffiċjali kollha jattendu taħriġ fuq bażi regolari.
Bħalissa hemm pjanijiet biex tinbena stazzjon ġdida f’Santa Venera sabiex tkopri ċ-ċentru tal-gżira u jitnaqqas il-ħin tar-rispons.
Pjanati wkoll kwartieri ġodda f’Ħal Far għax dawk f’Ta’ Kandja qed isiru żgħar wisq u mhux adegwati.
Hemm ħsieb ukoll li tinbena stazzjon għat-tifi tan-nar ġdida u aħjar fil-Furjana, dedikata biex tkopri emerġenzi fil-Belt u l-Furjana biss.
Iżda l-ikbar investiment dejjem jibqgħu in-nies kuraġġużi u dedikati li ta’ kuljum, ipoġġu ħajjet ħaddieħor qabel tagħhom stess u jsalvaw u jipproteġu.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jirċievi madwar 5,000 sejħa f’sena
150 minnhom ikunu ‘false alarm’ jew ċajta
1,300 każ bejn Mejju u Settembru ta’ ħruq ta’ ħaxix niexef
1,000 każ ta’ tixrid ta’ żejt jew likwidu li jaqbad
2,000 każ ta’ tfittxija u salvataġġ