Kumment li deher fuq facebook, ġibed l-attenzjoni ta' illum.com.mt, hekk kif ritratt mehmuz minn persuna li toqgħod 'il-Camarata', fil-Belt Valletta juri munzell boroż taż-żibel quddiem il-bieb tal-blokka tal-appartamenti fejn toqgħod hi, bil kumment "Ara kif spiċċajna quddiem il camarata, allaħares jinqala' każ ta' ambulanza... Valletta 18 eh proset"
Il-kumment ta' din is-sinjura qajjem diskussjoni tipika ta' fuq facebook, fejn kulħadd jitfa' naqra mill-għerf tiegħu u jżid il-kritika. Fost il-ħafna kumment dwar dan ir-ritratt, spikkaw ħafna kumment ta' residenti tal-Belt li gergru li minn meta tneħħew l-iskips minn ħafna postijiet fil-Belt, f'ħafna nħawi oħra tal-kapitali qed ikun hemm l-istess sitwazzjoni.
Persuna li minn kliemha dehret titkellem favur il-Kunsill Lokali, pruvat tispjega lin-nies li s-sistema issa hija waħda ta' ġbir organizzat ta' boroż tat-tip differenti, li jinġabru fi ġranet u ħinijiet partikolari.
Għal din l-informazzjoni, residenti frustrati rrispondew li s-sistema ma' taħdimx sew għaliex f'dan il-każ partikolari fil-Camarata per eżempju, ir-residenti huma avżati joħorġu ż-żibel fis-1:30 ta' wara nofsinhar, u l-istess residenta li tellgħet ir-ritratt fuq facebook qalet li dan mhux possibli għaliex il-maġġoranza tan-nies joħorġu għax-xogħol kmieni filgħodu u jidħlu lura d-dar filgħaxija. Għaldaqstant iż-żibel qed jinħareġ filgħodu u jdum jimblokka l-entraturi u bankini sa tard wara nofsinhar, meta jsir il-ġbir.