Illum ‘SkyParks Business Centre’ inawgura installazzjoni tal-enerġija li tagħti ċ-ċans lill-pubbliku jiċċarġja l-mowbajl u tagħmir ieħor waqt li jkun qed isuq ir-rota.
Din l-installazzjoni għandha żewġ għanijiet prinċipali, li tippromwovi stil ta’ ħajja aktar attiv u l-ġenerazzjoni ta’ enerġija aktar nadifa, prinċipalment fost il-komunitajiet ta’ SkyParks Business Centre u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-installazzjoni, li ġiet żviluppata mill-NGO lokali, MOVE, tinkorpora żewġ roti li jippermettu lill-utenti tagħhom jiċċarġjaw tagħmir bħal mowbajls u tablets permezz tal-konverżjoni ta’ enerġija kinetika f’elettriku. B’din l- installazzjoni, SkyParks Business Centre qed ikompli t-tradizzjoni tiegħu li jappoġġja proġett ekoloġiku kull sena, anki sabiex ikompli jonora l-impenn tiegħu li jikkontribwixxi għal ambjent aktar nadif għal kulħadd.
L-ewwel żewġ ċiklisti li inawguraw ir-roti b’mod uffiċjali kienu s-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg u s-CEO tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar. Warajhom, ippruvat l-installazzjoni s-CEO ta’ Vodafone Malta Amanda Nelson.
Is-Sur Borg qal, “Ninsabu tassew sodisfatti li llum qed nagħtu bidu għal din l-inizjattiva, speċjalment meta wieħed iqis li hi waħda minn tal-bidu tax-xorta tagħha għal Malta. L-użu tal-attività tal-bniedem sabiex tiġi ġġenerata l-enerġija huwa kunċett innovattiv fuq livell globali u qed jitqies bħala l-futur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija alternattiva.”
Peress li din l-inauwgurazzjoni ħabtet mal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, kien hemm pjanat ukoll programm sħiħ ta’ attivitajiet li jippromwovu l-attività fiżika u l-benessri u l-iffrankar tal-enerġija. Aktar minn 1,000 ħaddiem li jaħdmu fl- uffiċini fi SkyParks Business Centre ġew inkoraġġuti jaqtgħu ftit mir-rutina tax-xogħol billi jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi li ġew organizzati fil-beraħ u attivitajiet oħrajn li jippromwovu l-benessri.