Mosta: proġett ta’ bini ta’ parkeġġ taħt l-art

Fil-qalba tal-Mosta bħalissa hemm biss 58 parkeġġ

 

Il-Mosta li hi t-tieni l-akbar belt f’Malta ilha għal snin twal bi problema ta’ nuqqas ta’ soluzzjonijiet ta’ parkeġġi. Fil-fatt, fil-qalba tal-Mosta bħalissa hemm biss 58 post ta’ parkeġġ. Dan meta l-popolazzjoni tiżboq sew l-20,000 resident, b’kommunita’ kummerċjali dejjem tikber ta’ aktar minn elfejn negozju u li tħaddem qrib is-7,000 persuna. Dan minbarra l-fatt li ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta jilqa’ aktar minn 313,000 pazjent fis-sena.

Il-Mosta hi wkoll fost l-aktar sitt destinazzjonijiet popolari mat-turisti f’pajjiżna tant li s-sena li għaddiet 700,000 turist żaru din il-lokalita’. Din il-figura tirrappreżenta 39% tat-turiżmu kollu li ġie fil- pajjiż.

Fi preżentazzjoni lill-ġurnalisti Projects Malta tat eżempji ta’ mudelli u żoni li wieħed jista’ jikkunsidra għall-proposti. Il-Perit Paul Borg, elenka metodoloġiji differenti li ntużaw internazzjonalment fuq proġetti ta’ din ix-xorta.

Dan huwa proġett li saret ħidma kbira fuqu mill-Kunsill Lokali tal-Mosta u Projects Malta Ltd. Il- Gvern qed jistieden lis-settur privat biex jissottometti l-ideat tiegħu għal soluzzjonijiet ta’ parkeġġi fil-Mosta. "Aħna kunfidenti li bl-investiment mis-settur privat, ikollna soluzzjoni għal parkeġġi ġodda li jagħmlu sens mal-pubbliku u mal-istakeholders kollha,” qal Konrad Mizzi.

Projects Malta Ltd fissret li bil-proġett iridu jintlaħqu numru ta’ miri fosthom:

  1. Jinħolqu spazji miftuħa ġodda u aktar aċċessibbli għall-pubbliku wara u biswit ir-Rotunda tal- Mosta;

  2. Se jkunu kkunsidrati biss soluzzjonijiet li joħolqu mill-inqas 350 spazju ġdid ta’ parkeġġ;

  3. Kull parkeġġ irid ikun taħt l-art.

 

More in Socjali