Is-self għall-proprjetà jizdied b’7% f’sena

L-ikbar domanda għal self ta’ bejn €100,000 u €150,000

Tliet banek ewlenin f’pajjiżna kkonfermaw li matul l-aħħar sena, ġiet reġistrata żieda fl-ammonti ta’ talbiet għas-self tad-djar. Fil-fatt, bank partikolari li tkellem mal-ILLUM qal li fil-perjodu ta’ bejn Settembru tal-2015 u Awwissu 2016 ġiet reġistra żieda ta’ 7% fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, fl-ammonti ta’ talbiet għal self tad-djar mill-bank, waqt li bank ieħor saħaq li dan it-tkabbir ilu prevalenti f’dawn l-aħħar sentejn. Minn eżerċizzju li għamlet il-gazzetta ILLUM ma’ tliet banek ewlenin f’pajjiżna, irriżulta wkoll li l-ammonti li huma l-iktar popolari sabiex jingħataw bħala self mill-banek ivarjaw bejn il-€100,000 u l-€150,000, waqt li bank partikolari rrimarka li l-first time buyers huma l-iktar popolari.

Minkejja li ġiet innutata żieda fl-ammonti ta’ self li nħarġu, il-banek sostnew li min-naħa l-oħra ma kienx hemm żieda fir-rata ta’ rifjut fuq is-self.

Għażla limitata ħafna għal persuni single

Numru kbir ta’ postijiet konċentrati fiż-żona ta’ Buġibba u l-Qawra

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil tliet banek ewlenin f’Malta sabiex jagħtu ċifra approssimattiva ta’ kemm tkun is-somma li lest li jagħti l-bank bħala self, f’żewġ sitwazzjonijiet partikolari. Bis-somma li tingħata mill-banek, din il-gazzetta fittxet postijiet għall-bejgħ mingħand numru ta’ aġenziji ta’ proprjetà, sabiex tara x’hemm fis-suq u x’hemm disponibbli. Minħabba li l-ammont li jingħata huwa l-massimu tas-self, jingħata bil-kundizzjoni li l-post ikun finished u abitabbli. L-ILLUM għamlet eżerċizzju sabiex tara x’tip ta’ postijiet u f’liema lokalitajiet din il-persuna tkun tista’ tixtri d-dar tagħha. Għaldaqstant, ġew ikkunsidrati biss postijiet li huma mibnija diġà u li wieħed ma jridx jistenna li jinbnew minħabba li jkunu nxtraw minn fuq il-pjanta. Tajjeb li wieħed isemmi li l-banek lanqas biss jikkunsidraw li jagħtu self, jekk ix-xogħol tal-applikant ikun fuq bażi ta’ kuntratt li jiġġedded xahar b’xahar, li n-numru tagħhom jgħaqqad il-mijiet. Il-banek jispeċifikaw ukoll li dawn l-ammonti li joffru, jingħataw bil-kundizzjoni li l-applikanti ma jkollhomx self ieħor li jridu jħallsu fl-istess perjodu, u li jkunu għaddew mit-testijiet interni tal-banek. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-ammonti ta’ self li jingħataw, ikollhom ikunu ferm inqas.

Fl-ewwel sitwazzjoni, din il-gazzetta talbet l-ammont ta’ self li tingħata persuna single ta’ 29 sena li taħdem bħala għalliem li taqla’ €18,000 fis-sena. Għalhekk, ittieħdet medja tas-somom mogħtija mill-banek, u ħareġ li din il-persuna tingħata self ta’ €92,300 li l-ammont irid jitħallas lura f’36 sena.

B’din is-somma ta’ self, il-postijiet disponibbli kienu limitati kemm fid-daqs tagħhom u anke fil-lokalitajiet, bil-maġġoranza tal-postijiet abitabbli f’dak il-limitu ta’ prezz ikunu f’żoni bħal Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar. Ħafna minn dawn il-postijiet b’dan il-prezz kienu jinkludu biss kamra tas-sodda waħda, kċina, kamra tal-banju u spazju żgħir bħala salott jew kamra tal-ikel.

Fit-tieni każ, intalab l-ammont aprossimattiv ta’ kemm jingħata self lil koppja ta’ 30 u 32 sena rispettivament. Il-mara, li taħdem bħala segretarja, taqla’ paga ta’ €15,000 fis-sena, u r-raġel li huwa sales executive jaqla’ €22,000 kull sena. Dawn l-ammonti, minkejja li mhumiex żgħar u konservattivi, jirrappreżentaw ammont sostanzjali ta’ koppji f’dawk l-etajiet.

Lil din il-koppja, it-tliet banek lesti joffrulhom somma, li l-medja tagħha hija €214,500 u trid titħallas lura fuq perjodu ta’ 33 sena. B’dan l-ammont, din il-gazzetta għamlet tfittxija għal propjetà fejn sabet għażla ferm iktar wiesgħa ta’ lokalitajiet u tipi differenti ta’ proprjetà disponibbli minn dik li sabet għal persuna waħedha. Hawnhekk, kien hemm varjetà ta’ postijiet, minn appartamenti, għal daw sħiħa, maisonettes u penthouses. Il-lokalitajiet ukoll kienu varji, b’postijiet fil-Belt Valletta, Marsaskala, in-Naxxar, Ħ’Attard, Ħal Balzan, San Pawl tat-Tarġa u Ħal Qormi. Il-maġġoranza ta’ dawn il-postijiet kellhom bejn żewġ jew tliet kmamar tas-sodda, żewġ kmamar tal-banju, f’xi każi terrazzin u anke xi minn daqqiet garaxx.

More in Socjali