78% tat-tfal fiċ-childcare centres jużaw l-iskema taċ-childcare b'xejn

Il-maġġoranza tat-tfal fi skejjel indipendenti jew tal-knisja ġejjin min-naħa ta' fuq ta' Malta

In-numru ta' tfal li jagħmlu użu mill-iskema taċ-childcare b'xejn kienet tammonta għal 2,805, jew inkella 78% tat-tfal kollha li jattendu ċentri taċ-childcare. Minn statistika maħruġa mill-NSO jidher kif iktar minn 89% tat-tfal kellhom bejn sena u sentejn, waqt li ħames sigħat kienet il-medja ta' kemm it-tfal iqattgħu ħin fiċ-ċentru.

Min-naħa l-oħra, kien hemm total ta' 13,164 tifel u tifla ta' inqas minn ħames snin li kienu qed jattendu xi tip ta' istituzzjoni mhux obbligatorja, waqt li dawk li kienu qed jattendu edukazzjoni formali kienu 3,578.

Mill-istess stħarriġ irriżulta li 70% tat-tfal li jattendu l-kindergarten imorru fi skejjel tal-gvern, 19% fi skejjel indipendenti, waqt li l-bqija jattendu skejjel tal-knisja. Il-maġġoranza tat-tfal li jattendu skejjel indipendenti u tal-knisja joqogħdu fin-naħa ta' fuq ta' Malta, waqt li l-maġġoranza tat-tfal li jattendu skola tal-Gvern, joqogħdu fl-istess lokalità tal-iskola.

More in Socjali