Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi qal li skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-ekonomija ta' Malta kompliet tirreġistra tkabbir sostanzjali tant li l-Prodott Gross Domestiku (GDP) kiber b'madwar 4.7% fit-tieni kwart tal-2016 meta kkomparat mal-istess perjodu s-sena ta' qabel. Dan qalu dalgħodu waqt il-ftuħ uffiċjali tal-'Construction, Property and Interiors Expo 2016' fiċ-Ċentru Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta. Huwa żied jgħid li l-Gvern qed jinvesti fit-taħriġ f'dan is-settur, bħall-introduzzjoni ta' skill cards fi snajja differenti.
Il-Ministru Mizzi saħaq li attivittà bħal din hija importanti għal pajjiżna għax tiġbor fiha esebituri minn oqsma differenti li joffru prodotti u servizzi ta' kwalità tajba għall-konsumatur, l-iżviluppaturi kif ukoll għall-stakeholders oħra relatati f'dan iil-qasam taħt saqaf wieħed. Din l-Expo tippromwovi l-prodotti li hawn fis-suq u tagħti l-opportunità lill-esebituri juru l-prodotti u materjali tagħhom lill-pubbliku.
Fl-istess hin Mizzi żied jgħid li l-Gvern qed jirrevedi l-liġijiet li jikkonċernaw il-kostruzzjoni biex ikunu aktar adattati għaż-żmien tal-llum, u konformi mad-direttivi tal-Unjoni Ewropeja. "Qed tingħata aktar importanza f'dik li hija sigurtà, kif ukoll għall-infurzar tagħha waqt il-kostruzzjoni"
Huwa żied jgħid li l-Unjoni Ewropeja tagħraf l-irwol importanti li dan is-settur tal-kostruzzjoni għandu fl-ekonomija Ewropeja għaliex dan jiġġenera xi 10% tal-GDP tal-UE u madwar 20 miljun impieg.
Is-sur Jason Attard bħala l-organizzatur tal-Expo 2016, irringrazzja lill-azjendi kollha li urew fiduċja kbira fil-kumpanija tiegħu iMNG Ltd li organizzat dan l-avveniment hekk importanti u ezebixxew l-innovazzjonijiet tagħhom b-rispett kbir lejn il-konsumatur. "Issa nistiednu lill-Maltin u Għawdxin sabiex jiġu jaraw dawn il-meravilji tad-dinja tal-bini u l-elementi interni tieghu" qal is-sur Attard. Huwa ħabbar li "l-Construction, Property and Interiors Expo ser issir kull sena u huwa parti mill-isforzi taghna sabiex naghmlu l-parti tagħna biex inżidu l'għarfien fuq il-bżonn lokali ta' bini sostenibbli, u ntejbu l-kwalità tal-industrija, u sussegwentement, ta' Malta u Ghawdex".
Fost dawn l-isforzi hu semma l- Malta Architect Awards, li ċ-ċeremonja tagħhom ser issir ngħar is-Sibt li gej fl-MCC stess, kif ukoll il-publikazzjoni ġdida bl-isem "Design and Build" li ser tiġi mnedija mill-kumpanija tiegħu din il-ġimgħa stess, ukoll fl-MCC.