Min jaf kemm il-darba nkunu mwaħħlin fit-traffiku u jibdew ġejjin nervi kbar. Aktar ma ddum imwaħħal u jikkuntrarjawk affarijiet, aktar tiżdied il-frustrazzjoni, sakemm f’ċertu punt, hemm min anke jisvoga f’rabja tat-triq (road rage).
Imma, ġieli ħsibtu li waqt li tkun imwaħħal fit-traffiku din ir-rabja tista’ tikkalkulaha ? Issa nħolqot għodda ‘online’ biex tagħmel dan.
Il-‘Frustration Calculator’, li kif jgħid l-isem stess, jikkalkula l-frustrazzjoni, jikkwantifika l-livelli ta’ frustrazzjoni ta’ persuna bbażati fuq id-distanza tal-vjaġġ, il-veloċità medja u l-ħin moħli mwaħħal fit-traffiku.
Filwaqt li jista’ jidher bħala logħoba, il-‘Frustration Calculator’ sar bl-iskop li jiffoka fuq l-impatt personali li t-traffiku jħalli fuq is-sewwieqa, fir-rigward tal-immaniġjar tal-ħin u l-kwalità tal-ħajja.
Il-‘Frustration Calculator’ huwa parti minn ‘Project Aegle’, li permezz tiegħu qed jinġiebu numru ta’ esperti sabiex joħorġu b’ideat dwar kif it-trasport f’Malta jkun aktar sostenibbli.
Dan il-proġett huwa inizzjattiva ta’ ‘Debono Group’ l-impurtaturi tat-Toyota f’Malta.
“L-iskop tagħna huwa li noħroġu b’ideat biex intejjbu s-sistema tat-trasport f’Malta, imma qabel nagħmlu dan, irridu niftħu għajnejn in-nies dwar il-prezz tal-ivjaġġar tagħhom fir-rigward ta’ ħin mitluf fit-traffiku u l-impatt li dan iħalli fuq saħħithom,” stqarr id-Direttur tal-grupp Geoffrey Debono.
Skont figuri uffiċjlai, il-konġestjoni tat-traffiku tiswa’ lill-pajjiż 4% tal-GDP tiegħu. Sal 2050, dawn il-figuri se jitilgħu għall 8%. L-iskop tal-proġett Aegle, huwa li minbarra li jgħin l-ekonomija u jnaqqas il-frustrazzjoni tas-sewwieqa, joħroġ b’ideat li jkunu jistgħu jiġu addottati mill-gvern, mis-sewwieqa, mill-Pulizija u l-pubbliku ġenerali.