Heritage Malta qed tniedi skema fejn l-istudenti jistgħu jżuru l-mużewijiet u siti tagħhom b’xejn
Din l-iskema ta’ sħubija għall-istudenti minn Heritage Malta hija mmirata għall-istudenti tal-Primarja iżda se sservi ta’ proġett pilota għall-ġejjieni. B’din l-iskema l-istudenti jistgħu jżuru l-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta b’xejn (minbarra l-Hypogeum) filwaqt li sa massimu ta’ żewġ adulti li jkunu qegħdin jakkumpanjaw lill-istudent jibbenefikaw minn skont ta’ 50% mill-prezz tad-dħul. Din l-offerta ma tgħoddx għal avvenimenti oħra organizzati minn Heritage Malta minħabba li hemm inizjattivi oħrajn għal dan il-għan fosthom il-Culture Card. L-iskema ta’ sħubija għall-istudenti hija valida għal sena u tista’ tiġġedded.
Tagħrif dwar din l-iskema diġá ngħadda lill-istudenti fi tmiem is-sena skolastika li għaddiet u sa issa applikaw iktar minn 4,000 student.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li din l-iskema hija inizjattiva oħra li tippromwovi l-wirt kulturali u tinkoraġġixxi aċċess usa’ u iktar faċli lill-pubbliku ġenerali biex ikabbru l-għarfien tagħhom dwar in-nisġa tal-istorja ta’ pajjiżhom.
‘’Huwa important li nħeġġu u nkattru l-interess fl-istudenti sa minn etá żgħira fl-istorja u l-wirt kulturali ta’ pajjiżhom. Minkejja li mhux neċessarjament tifforma parti mill-kurrikulum skolastiku, din l-iskema se tgħin lill-istudenti jiskopru aktar dwar l-identitá u l-kultura tagħhom. Minbarra hekk din l-iskema ssaħħaħ ukoll il-kwalitá tal-ħajja tal-familja għax iż-żjarat fil-mużewijiet u siti storiċi iservu bħala ħarġa rikreattiva għall-familja kollha’’.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius insista li l-edukazzjoni informali u non formali għandha tingħata prijoritá wkoll u l-Gvern, permezz tal-Aġenzija Żgħażagħ, qiegħed dejjem jipprova joħloq iktar inizjattivi għaż-żgħażagħ biex ikabbru l-għarfien tagħhom. ‘’Iż-żgħażagħ għandhom ikunu inkoraġġiti jaħtfu kull opportunitá u japprofittaw mill-opportunitajiet li jiġuhom’’.
Agius faħħar l-iskema tas-sħubija għall-istudenti u qal li hija fuq l-istess binarju u tkompli ssaħħaħ il-politika nazzjonali tal-Gvern dwar iż-żgħażagħ.
Dawk interessati japplikaw għal din l-iskema huma mħeġġa japplikaw online fuq il-website uffiċjali ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org.