Nieħdu ħsieb l-aktar riżorsa prezzjuża ta’ pajjiżna…it-tfal

Minn abbuż tal-alkoħol, għall-bullying u l-obeżità...l-illum.com.mt janalizza f'aktar dettall il-Politika Nazzjonali dwar it-tfal mnedija l-ġimgħa l-oħra

It-tfal tal-lum huma l-adulti ta’ għada, u d-diffikultajiet u l-esperjenzi li jiffaċjaw fi tfulithom, se jkunu riflessi iktar ’il quddiem fil-ħajja adulta tagħhom. Għaldaqstant, ir-realtajiet tat-tfal u żgħażagħ iridu jiġu indirizzati. Realtajiet bħas-sitwazzjoni tal-media soċjali, l-abbuż tal-alkoħol u sustanzi oħra minn tfal u żgħażagħ, sa anke d-diffikultajiet ta’ familji mingħajr saqaf fuq rashom.

Għalhekk, ġiet imnedija Politika Nazzjonali dwar it-tfal, biex tagħti stil ta’ ħajja aħjar lit-tfal tal-lum, sabiex ikollna ġenerazzjoni futura aħjar.

Il-Politika Nazzjonali, li tinsab fi stadju ta’ konsultazzjoni pubblika għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tat-tfal waqt li tiżgura li l-ambjent familjari u dak soċjali jkun wieħed stabbli u sigur.

Il-politika se tkun imfassla f’erba’ taqsimiet, fejn l-ewwel waħda se tkun marbuta mas-saħħa u l-istil tal-għajxien tat-tfal, b’importanza mogħtija lil dieta sana u eżerċizzju. It-tieni sezzjoni titratta aktar dwar l-ambjent u l-istruttura familjari u dawk ir-relazzjonijiet kollha li t-tfal jiltaqgħu magħhom huma u jikbru. It-tielet sessjoni tiffoka fuq l-edukazzjoni, li għandha tkun kemm informattiva, kif ukoll pjaċevoli sabiex it-tfal jieħdu l-massimu minnha. L-aħħar sezzjoni tiffoka aktar fuq ir-rwol tat-tfal fis-soċjetà u l-parteċipazzjoni tagħhom f’ħidmiet soċjali u politiċi tal-pajjiż, biex iwassal għal ġenerazzjonijiet aktar attivi u parteċipi fis-soċjetà.

Fost l-aktar proposti konkreti u qawwija, wieħed isib dawk relatati mad-dritt tal-vot. Din il-politika qed tipproponi li dawk iż-żgħażagħ li jkunu għalqu s-16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw f’elezzjonijiet ġenerali u referenda, wara li dawn kienu bdew jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li għaddew. 

Din il-politika tindirizza wkoll problemi u dilemmi li l-edukaturi kellhom għal dawn l-aħħar snin, fosthom dawk dwar l-edukazzjoni sesswali, is-saħħa mentali u l-identità sesswali.

More in Socjali