Bosta kienu dawk il-persuni li matul il-ġurnata tal-lum, ħasbulu kmieni sabiex ikunu jistgħu jaslu fil-ħin għax-xogħol, hekk kif illum kienet l-ewwel ġurnata lura lejn l-iskola għal 56,269 student u 10,170 għalliema. Minkejja dan, ir-reazzjoni ta' bosta kienet waħda ta' stagħġib għall-fatt li minkejja li stennew ħinijiet twal fit-traffiku, dan ma kienx il-każ f'diversi żoni.
Fil-fatt, kelliema mill-Ministeru għat-trasport saħqu li l-kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet fosthom wardens, pulizija u uffiċjali ta' TM li dalgħodu kienu stazzjonati f’postijiet strateġiċi familjari ma’ konġestjonijiet tat-traffiku, tat riżultati tajbin.
"Madankollu," sostnew il-kelliema tal-Ministeru, "dan ma jfissirx li traffiku ma kienx hemm jew li mhux se jkun hemm fil-ġranet li ġejjin." Huwa għalhekk li l-pubbliku huwa mħeġġeġ biex ikompli jikkkopera mal-forzi tal-ordni, isegwi r-regolmenti tat-traffiku u ma jkunx ta’ tfixkil għal ħaddieħor, jippjana l-vjaġġ tiegħu minn qabel u jżomm ruħu aġġornat dwar għeluq ta’ toroq u rotot alternattivi li jistgħu jintużaw, kemm fuq il-media u anke permezz tal-Varible Message Signs, li huma l-monitors li jinsabu fit-toroq.
Il-Ministeru kompla billi ħeġġeġ ukoll carpooling u fakkar li min ikun qed jagħmel dan jista’ jgħaddi anke mill-priority lanes għall-użu tat-trasport pubbliku. Barra minn hekk, wieħed jista’ jagħmel ukoll użu mill-mezzi tat-trasport bil-baħar.