Jingħataw permessi ta' ħanut tal-massaġġi u jsiru briedel tas-sess
‘Jibagħtuhom lura kif tiskadielhom il-viża’
More in Socjali
‘Jibagħtuhom lura kif tiskadielhom il-viża’
Ir-realtà li bosta ħwienet tal-massaġġi bl-extras, jagħmluha ta’ ħwienet tal-massaġġi leġittimi, ilha sigriet magħruf għal diversi snin. Dan jiġi b’detriment għal dawk il-persuni onesti u professjonali li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom minn trattamenti ta’ sbuħija u sessjonijiet ta’ massaġġi professjonali.
F’kuntatt li din il-gazzetta għamlet mal-President tal-Malta Association of Beauty Therapists Magda Magri Naudi, din saħqet li ma jistax ikun li jinħarġu l-permessi għal dawn il-ħwienet u salons kif ġieb u laħaq mingħajr ma jsiru t-tfittxijiet u l-konfermi neċessarji sabiex jiġu żgurati li l-persuni li qed jitħaddmu f’dawn is-salons, mhumiex jipparteċipaw f’attivitajiet illegali fi ħdan l-istess bini. Fil-fatt, Magri Naudi tinsisti li, “mhux imbilli tagħti l-permessi, imbagħad dawn il-ħwienet isiru briedel.”
Fil-fatt, il-president tal-Assoċjazzjoni tat-Terapisti tas-Sbuħija sostniet li jeħtieġ ikun hemm iktar sorveljanza u żjarat regolari u għal għarrieda wara li jinħarġu l-permessi sabiex jinfetaħ ħanut bħala salon tas-sbuħija jew massage parlour. “Hemm bżonn li tas-sanità u tat-trade imorru għand is-salons biex jiċċekjaw dak li jkunu qed jagħmlu, u jaraw li l-ħaddiema u s-sidien ikunu persuni kwalifikati f’dan il-qasam,” tisħaq Magri Naudi waqt li tgħid li s-sitwazzjoni baqgħet kif kienet, u għadu ma nbidel xejn. Minn meta din il-gazzetta tkellmet l-aħħar ma’ Magri Naudi dwar din is-sitwazzjoni lura f’Diċembru li għadda, hi sostniet li għadu ma sar xejn, u qajla nbidlet is-sitwazzjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-President tal-Assoċjazzjoni appellat biex dawk il-beauticians kollha li jagħmlu xogħol onest u professjonali, jingħaqdu mal-assoċjazzjoni għaliex, “f’għaqda, hemm iktar saħħa.”
Meta tkellmet mal-ILLUM, Magda Magri Naudi elenkat punti importanti li jeħtieġ li min hu professjonali u involut fis-settur iżomm magħhom, fosthom li jagħti importanza massima lil kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà, jaċċerta li l-impjegati jkunu kollha kwalifikati, jkollhom assigurazzjoni għal xogħolhom u jingħaqdu f’assoċjazzjoni.
Finalment, Magri Naudi temmet tgħid li, “hemm bżonn li nsemmgħu leħinna u nagħmlu xi ħaġa dwar din is-sitwazzjoni għax dan qed iħalli impatt negattiv fuqna, bis-salons tagħna.”
Intant, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ persuna li għandha l-kwalifiki biex tagħti servizzi ta’ sbuħija u tal-massaġġi, li għal xi żmien, kienet taħdem f’salon li joffri massaġġi bl-extras, fejn iżda hi insistiet li qatt ma tat dawn is-servizzi u dejjem irrifjutat li tagħmel dan. Din il-mara, li llum il-ġurnata topera mid-dar tagħha minħabba li kif qalet hi, ħafna nies pruvaw jagħmlulha l-ħsara għax ma riditx taħdem b’dan il-mod, saħqet li n-nisa l-oħra li kien ikun hemm magħha fis-salons kienu jkunu kollha ta’ nazzjonalità barranija. Żiedet tgħid li dawn kienu jinġiebu minn min iħaddem direttament minn barra l-pajjiż biex jidħlu jaħdmu fis-salons. Tgħid ukoll li dawn kienu jinbidlu sikwit skont kemm tkun valida l-viża tagħhom. “Kienu jiġu t-tfajliet ġodda kull xahar jew kull tliet xhur is-salon, għax kienu jintbagħtu lura meta tiskadielhom il-viża.”
Din il-mara tirrakonta kif minħabba n-natura tas-salon, spiss kienu jiġu klijenti li jinsistu li din tagħti s-servizzi tagħha u l-extras, u saħansitra ġiet mhedda minn klijent ieħor f’okkażjoni oħra li se jgħid lil żewġha li kienet tagħtu massage bl-extras.