‘Oħorġuni mill-faqar biex inkun nista’ nieħu l-edukazzjoni’

Peppi Azzopardi jisħaq li, 'kliem Evarist dwar il-faqar huwa reali u jqabbdek id-dwejjaq'

Spiss nisimgħu bil-frażi li sabiex toħroġ mill-istat ta’ faqar li tkun fih, persuna jeħtieġ takkwista l-edukazzjoni, u minn hemm ikollha l-għodda biex tkun tista’ tiġġieled il-faqar. Minkejja dan, f'intervista mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ma jaqbilx ma’ dan u jinsisti li llum il-ġurnata, is-sitwazzjoni hi differenti għaliex persuna trid toħroġ mill-faqar biex tkun tista’ tieħu l-edukazzjoni. Ikompli jgħid li minkejja li qed niċċelebraw is-70 sena li fil-pajjiż għandna edukazzjoni bla ħlas, xorta għad hawn studenti li jsibuha diffiċli sabiex ikomplu l-istudji tagħhom, mhux minħabba li l-kors huwa wisq diffiċli jew għaliex mhumiex għal qalbhom, imma minħabba li ma jifilħux iħallsu għall-ispejjeż li jinqalgħu tul is-sena, ta’ materjali u riżorsi, bħal kameras u apparati oħra jekk il-kors ikun jirrikjedi dan. Fil-fatt, hawnhekk jikkwota stħarriġ li sar ma’ diversi studenti f’livelli sekondarji u post-sekondarji li jindika kif persentaġġ ta’ studenti fil-fatt ma komplewx bl-istudji minħabba raġunijiet finanzjarji.

“Fil-passat kellna sitwazzjoni li dawk li jieħdu l-edukazzjoni kienu dawk li l-ġenituri tagħhom kienu jifilħu jħallsu għaliha, wara għamilna edukazzjoni b’xejn għal kulħadd biex kulħadd ikollu ċans, imma llum, wara 70 sena ta’ edukazzjoni b’xejn, nistaqsu jekk hux qed nilħqu lil kulħadd,” sostna l-Ministru.

Allura, x’qed isir min-naħa tal-Ministeru sabiex tiġi indirizzata din il-problema li jafu biha, tistaqsi din il-gazzetta? Hawnhekk, Evarist Bartolo jitkellem dwar miżuri li kapaċi jidhru bħala żgħar, li fil-verità, jkunu qed iħallu impatt ferm ikbar. Jibda billi jsemmi l-Breakfast Club li huwa servizz li tnieda ftit tas-snin ilu li għandu l-għan li jagħti lit-tfal kolazzjon nutrittiv sabiex jippreparahom għall-ġurnata li jkollhom quddiemhom. “Meta kellmuni diversi kapijiet ta’ skejjel, qaluli li għall-ewwel bdew jistaqsu x’tip ta’ differenza tista’ tagħmel miżura bħal din, billi jagħtu daqsxejn ċereali lill-istudenti,” jispjega Bartolo, iżda dawn l-istess kapijiet tkellmu mod ieħor meta raw id-differenza li saret f’sitwazzjonijiet partikolari li kellhom fl-iskejjel tagħhom.

Isemmi realtajiet diffiċli ta’ tfal li qed jesperjenzaw faqar fi djarhom, bħal f’każ ta’ tifel, li hekk kif waslet l-aħħar ġurnata tal-iskola qabel il-vaganzi tas-sajf, beda jibki u jixher, u rriżulta li dan kien minħabba li issa daqshekk kien se jattendi għall-Breakfast Club, u allura mhux se jibqa’ jieħu kolazzjon ta’ kull filgħodu minħabba problemi li kellha l-familja, u għalhekk ma setgħetx tipprovdi kolazzjon nutrittiv kuljum.

Evarist Bartolo kompla jgħid li, “s-soltu ngħidu li l-edukazzjoni toħorġok mill-faqar, iżda qed naraw li s-sitwazzjoni hija aktar, ‘oħroġni mill-faqar ħalli nieħu l-edukazzjoni’.”

Intant, minn meta ġiet ippubblikata l-istorja lbieraħ fil-gazzetta stampata, kienu bosta dawk li rreaġixxew għaliha. Fosthom kien hemm il-preżentatur Peppi Azzopardi li sostna kemm dan il-kliem tal-Ministru huwa reali u fl-istess waqt, kliem li jqabbdek id-dwejjaq.

Għal dan, nies bħal Charles Miceli mill-Alleanza kontra l-Faqar sostnew li kliem bħal dan huwa kliem li jħeġġu sabiex ikompli 'jiġġieled favur ġustizzja soċjali.'

More in Socjali