'Ma nemmnux li l-vittma għandha titlaq minn darha'
Il-Ministru Helena Dalli dwar il-bidliet li qed jipproponi l-Gvern biex ikunu protetti aħjar vittmi ta' vjolenza domestika
More in Socjali
Il-Ministru Helena Dalli dwar il-bidliet li qed jipproponi l-Gvern biex ikunu protetti aħjar vittmi ta' vjolenza domestika
F’laqgħa għall-NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-vjolenza domestika organizzata mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijijet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar il-qafas leġislattiv il-ġdid li qed jipproponi l-Gvern dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika u li bħalissa qiegħed għall-konsultazzjoni pubblika.
Il-Ministru Dalli semmiet kif din il-liġi se tkun qed iġġib fis-seħħ b’mod sħiħ il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u li Malta kienet mal-ewwel pajjiżi li rratifikatha f’Novembru tal-2014.
Dr Dalli fissret kif għall-ewwel darba, il-Gvern qed jipproponi li f’każ fejn il-vittma tkun f’sogru imminenti jekk l-awtur tal-vjolenza jibqa’ taħt l-istess saqaf, ikun il-perpetratur li jinħareġ mir-residenza komuni b’mod temporanju. “Nemmnu li m’għandhiex tkun il-vittma li jkollha toħroġ minn darha stess, speċjalment wara li tkun għaddiet minn esperjenza trawmatizzanti,” enfasizzat il-Ministru Dalli.
Dr Dalli qalet li deċiżjoni bħal din jista’ jkun li tħalli l-effetti mixtieqa hekk kif il-perpetratur ikun f’riskju akbar li jispiċċa hu barra mid-dar. Fl-istess ħin, il-liġi se tkun qed tassigura li tingħata l-għajnuna u t-trattamenti neċessarji biex l-awtur tal-vjolenza jirriforma ruħu.
Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-prevenzjoni li għandha rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Hija qalet li aktar tard din is-sena, il-Ministeru se jkun qed jippreżenta strateġija nazzjonali li tikkumplimenta dan l-abbozz ta’ liġi.
Iċ-Chair tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika Joe Gerada tkellem dwar l-importanza tal-NGOs fis-settur tal-vjolenza domestika u l-ħtieġa ta’ koordinament aħjar. Fi kliemu “dan mhux biss isaħħaħ il-mod ta’ kif noperaw flimkien iżda jgħin ukoll biex nantiċipaw sitwazzjonijiet qabel iseħħu u b’hekk inkunu preparati aktar”.