€3,000 miġburin għal Puttinu Cares permezz tal-'Plane Pull'

It-tielet edizzjoni tal-'Plane Pull' organizzata mid-DHL express ġabret is-somma ta' €3,000 għal Puttinu Cares

€3,000 miġburin għal Puttinu Cares permezz tal-'Plane Pull'
€3,000 miġburin għal Puttinu Cares permezz tal-'Plane Pull'

It-tielet edizzjoni tal-'Plane Pull' organizzata mid-DHL express ġabret is-somma ta' €3,000 għal Puttinu Cares, li kienet l-ikbar somma li nġabret mit-tliet edizzjonijiet kollha, li s'issa f'daqqa ġabru total ta' €7,000 għall-karità.

Charles Schiavone, Country Manager ta’ DHL Express Malta, Orlando Bonnici, President tal-Phoenix Sports Club, u Gordon Buhagiar, President tas-Sezzjoni tal-Basketball tal-Phoenix Sports Club, għamlu għotja ta’ €3,000 lil Dr Victor Calvagna, Chairman ta’ Puttinu Cares, nhar il-Ġimgħa li għaddiet, 30 ta’ Settembru, 2016, fl-uffiċini ta’ DHL Express f’Ħal Luqa.

Il-Puttinu Cares Cancer Support Group twaqqaf fl-2002. Fil-bidu l-idea kienet li jibnu fuq ix-xewqa li joffru kura olistika lil familji b’tfal bil-kanċer. Dr Victor Calvagna u l-Kap Eżekuttiv ta’ Puttinu Cares Rennie Zerafa kienu l-fondaturi ta’ dan il-grupp.

Dr Calvagna irringrazzja t-tim li ħadem qatigħ biex din it-tielet edizzjoni tad-DHL Plane Pull Malta tkun suċċess. Żied jgħid li l-flus ser imorru ġo fond li qiegħed jinġema’ biex Puttinu Cares ikun jista’ jixtri iktar proprjetajiet fl-Ingilterra fejn il-familji ta’ tfal li għandhom il-kanċer jistgħu joqogħdu iktar viċin iċ-ċentru ta’ Londra fejn hemm l-isptarijiet ewlenin li jikkuraw il-kanċer.

L-appartamenti ġo Sutton, li issa huma mħallsin kollha, qal Dr Calvagna, huma dejjem mimlijin u għajnuna qed tingħata wkoll lil familji li ma jsibux akkomodazzjoni ġo Sutton.

Is-Sur Schiavone qal li kull sena li saret din l-inizjattiva s-somma li nġabret telgħet: €1,500 fl-2014, €2,500 s-sena l-oħra u €3,000 din is-sena. Tnax il-tim – 214 persuna b’kollox – ġibdu l-ajruplan, DHL Express Boeing 757-200 Freighter li jiżen 68 tunnellata matul il-ġurnata tal-21 ta’ Settembru, apparti minn Tony Farrugia, ir-raġel b’saħħtu li pprova jiġbdu waħdu.

Biex din il-ġibda tal-ajruplan tkun iktar kompetittiva, kull tim kien qiegħed jiġri kontra l-ħin – biex naraw min minnhom seta’ jiġbed l-ajruplan fuq medda ta’ 20 metru l-iktar malajr. L-iktar ħin malajr kien ta’ 31.31 sekonda mill-grupp tal-impjegati tal-Elbros, li bħala kumpanija għamlet għotja ta’ €1,000.

Kien hemm żewġ timijiet tal-Pulizija, li għalihom ġew biex iħeġġuhom kemm il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija  Lawrence Cutajar

DHL Express u l-Phoenix Sports Club jixtiequ jirringrazzjaw dawn il-voluntiera li għenu biex dan l-avveniment ikun suċċess: il-voluntiera ta’ Puttinu Cares, membri tal-Phoenix Sports Club, impjegati ta’ DHL Express, Safi Aviation Park, AVISEC, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Malta Air Traffic Services, Air Malta Engineering, Altitude Global Ltd għall-inġiniera tal-ajruplan tad-DHL, AME, li għamlu r-risk assessment, is-St John Rescue Corps u MJN Communications.

More in Socjali